Niċċa u statwa fir-Rabat se jiġu rrestawrati

L-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu u niċċa b’sinifikanti arkitettoniċi u storiċi li jinsabu fil-parti ċentrali tar-Rabat se jkunu restawrati fi proġett li jiswa madwar €20,000.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li dawn se jkunu finanzjati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. In-niċċa li tifforma parti miz-zuntier tal-Bażilika Minuri ta’ San Pawl, hija meqjusa bħala waħda mill-isbaħ knejjes fil-Gżejjer Maltin. Fis-sena 2013 l-akkwata ġiet skedata mill-Heritage Planning Unit bħala Żona Protetta Kategorija A.

Fid-diskors tagħha l-Ministru qalet li l-ibliet u l-irħula għandhom ħafna x’joffru speċjalment dawk il-partijiet antiki tagħhom. “Niċeċ u statwi bħal din tal-Madonna tal-Karmnu huma attrazzjonijiet addizzjonali ma’ oħrajn f’lokalitajiet partikolari u huma ħolqa fil-katina storika tagħna”, kompliet il-Ministru Farrugia Portelli. Hija spjegat li r-Rabat huwa popolari u frekwentat minn ħafna turisti minħabba li fih diversi postijiet storiċi bħal Villa Rumana, il-Grotta ta’ San Pawl u l-Katakombi ta’ Sant’ Agata iżda wkoll minħabba li tinsab qrib l-Imdina. Il-Ministru qalet li huwa stmat li s-sena l-oħra 69% tat-turisti żaru l-Imdina u r-Rabat.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li l-format tan-niċċa mhux wieħed komuni, bl-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu skolpita fil-ġebla. Taħt l-istatwa hemm żewġ skrizzjonijiet fl-irħam li jmorru lura għas-sena 1921, u dan juri li kemm in-niċċa kif ukoll l-istatwa għandhom mill-inqas 100 sena.

Matul is-snin in-niċċa u l-istatwa ġarrbu ħsarat sostanzjali kemm minħabba l-elementi tan-natura kif ukoll mill-bniedem. Ġie spjegat li r-restawr se jkun qed jassigura li l-istruttura tkun preservata filwaqt li jkunu eliminati l-elementi li kkawżaw il-ħsarat tul is-snin.

Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus, esprima sodisfazzjon għar-restawr tal-istatwa li tmur lura ħafna snin ilu. Huwa qal li l-kunsill lokali jinsab kburi li din l-ikona fil-qalba tar-Rabat se tkun qed tiġi ppreservata biex titgawda mir-Rabtin stess u mit-turisti.

L-istatwa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi ġiet restawrata permezz ta’ fondi mill-Aġenzija tal-Infurzar Lokali (LESA).