“Nibżgħu li Malta qed torganizza pushback ieħor illegali għal-Libja” – Alarm Phone

71 persuna għadhom ma ssalvawx

Alarm Phone qalet li qed tibża’ li Malta qed torganizza pushback “ieħor illegali” għal-Libja għall-71 immigrant li għadhom bejn sema u ilma fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija.

Ilbieraħ Alarm Phone qalet li d-dgħajsa bl-immigranti, li fosthom hemm nisa u tfal, qed tegħreq.

Aktar tard fuq Twitter kitbet li kien hemm il-bastiment tal-merkanzija Neverland qrib id-dgħajsa, imma dan ma tahomx għajnuna. In-nies abbord kienu bil-għatx u fi stat ta’ disprament. Eventwalment, dan il-vapur telaq.

Dalgħodu Alarm Phone qalet li l-Forzi Armati ta’ Malta ilhom fuq il-post mill-bieraħ filgħaxija imma m’offrewx għajnuna lin-nies maħrubin. Huma tennew l-appell biex l-awtoritajiet Maltin isalvaw dawn il-ħajjiet.