Nibża’ mill-egoiżmu u mir-regħba – Steven ta’ 103

Steven, ispirat minn Quicksand ta’ David Bowie, jibża’ mill-egoiżmu, mir-regħba u mill-mard. Jassoċja ruħu mat-tjur u mal-iljunfanti. Il-kanzunetta My heart will go on ta’ Celine Dion ma jniżżilhiex!

Steven Meli jippreżenta Saturday’s Live Score flimkien ma’ Peter Paul Gauci, kull nhar ta’ Sibt bejn it-3pm u s-7pm fuq 103.

Newsbook.com.mt:  Kieku kellek tibdel ismek u kunjomok x’tagħżel?

Steven: Kull darba li ħsibt fuq din il-mistoqsija qatt ma rnexxieli noħroġ b’risposta. Forsi għall-fatt li kunjomi mhux daqstant komuni, allura ma tantx tkun ta’ sikwit li naħseb dwar ix-xewqa li nibdlu.

Newsbook.com.mt: Liema annimal tassoċja miegħek u għaliex?

Steven: Żewġ tipi ta’ annimali biex inkun eżatt. It-tjur għax huma sinjal tal-libertà, u l-iljunfanti għax minn dejjem kienu jaffaxxinawni. L-iljunfanti huma fost l-uniċi annimali li kapaċi jiffurmaw ħbiberiji u relazzjonijiet twal. Fil-każ tiegħi għandi bżonn bilanċ bejn dawn it-tnejn.

Newsbook.com.mt: Kulur favorit:

Steven: Blu għax hu l-kulur tas-sema u l-baħar. Nirrelatah ħafna mat-trankwillità, man-nuqqas ta’ stress, kalma u paċi.

Newsbook.com.mt: Kwotazzjoni li ispiratek l-aktar:

Steven: “I’m not a prophet or a stone age man, just a mortal with the potential of a superman. I’m living on” – meħuda mill-kanzunetta Quicksand ta’ David Bowie.

Newsbook.com.mt: Liema hu l-iktar Papa li influwenzak l-iktar f’ħajtek?

Steven: Il-Papa Franġisku għax huwa l-aktar Papa progressiv fl-istorja tal-Knisja. Naħseb li biex il-Knisja tkun relevanti għaż-żminijiet tal-lum kellha bżonn Papa bħalu.

Newsbook.com.mt: Min xiex tibża’ l-aktar?

Steven:  Mill-egoiżmu, minn ċertu nies li r-regħba twassalhom biex jagħmlu kollox, u mill-mard.

Newsbook.com.mt: Kanzunetta li tirritak l-aktar?

Steven:  My heart will go on ta’ Celine Dion, fiha dak kollu li jdejjaqni fil-mużika. It-tħanxir u l-qrid żejjed li dejjem joħroġ minn fomm Celine Dion qatt ma kien jogħġobni. Imbagħad hemm dak il-ħafna romantiċiżmu traġiku esaġerat li finalment ma jwassal imkien, ħlief li jittikani u jibbumbardjali rasi. Barra minn hekk tinstema’ bħal kwalunkwe ballad oħra traġika li qatt ħarġet.  Inżid magħha d-diski kollha ta’ Celine Dion, li ħafna drabi kelli nisma’ bilfors fuq xi radju u li ma kellix kontroll fuqu, kif ukoll id-diska I will always love you ta’ Whitney Houston.

Newsbook.com.mt: Oġġett li ma timmaġinakx tgħix mingħajru:

Steven: Li nesperjenza l-mużika live, però llum il-ġurnata din taf tiddependi xorta mill-internet biex iżżomm aġġornat mal-kunċerti u festivals li jsiru barra minn xtutna. L-internet jagħtini aċċess biex niskopri anke artisti mużikali li kieku żgur ma nkunx naf bihom.

Newsbook.com.mt: Karriera li verament tixtieq jew somma flus?

Steven: Karriera għax ħafna iktar sodisfaċenti.

Newsbook.com.mt: Għaliex 103?

Steven:  Għażilt 103 għax l-ewwel nett offrieli l-opportunità li nwettaq il-ħolma ta’ ħajti li naħdem ġo stazzjon tar-radju bħala full time. Imma mhux biss. Inħoss li hemm ir-rispett bejnietna l-kollegi, li hi xi ħaġa li napprezza immens. Din għenitni żgur biex nintegra malajr fit-team. Barra minn hekk inħossni ispirat li qed naħdem ma’ kollegi li ilhom ħafna aktar minni fix-xandir u li minnhom nista’ nitgħallem ħafna.