“Nibqgħu niddefendu s-sovranità ta’ Malta fil-Parlament Ewropew”

Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew qal li d-delegazzjoni se tibqa’ magħquda biex tħares is-sovranità tal-Gvern Malti, b’mod speċjali fil-politika ta’ tassazzjoni u se tibqa’ tikkumbatti l-mewġa li hemm fl-Ewropa kontra s-servizzi finanzjarji ta’ stati żgħar bħal Malta.
Dr Sant qal ukoll li d-delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew darba wara l-oħra qiegħda timmina l-interessi nazzjonali.
F’attività fil-Belt Valletta, Dr Sant saħaq li l-MEPs Laburisti se jibqgħu jitkellmu favur il-flessibilità għal stati żgħar u jisħqu li l-politika ta’ one-size-fits-all mhix fl-interess ta’ pajjiżna.
Semma’ l-Presidenza tal-UE fl-ewwel nofs ta’ dis-sena u qal li Malta ħarġet bl-unuri għax ħalliet impatt pożittiv fl-Unjoni Ewropea.
Faħħar lill-Prim Ministru Joseph Muscat fejn qal li qed jiddistingwi ruħu fost il-mexxejja tal-aktar stati b’saħħithom fl-Ewropa.