Awdjo: “Nibqa’ nirringrazzjakom sakemm Alla jagħlaqli għajnejja”

Ġorġ Zammit, li għandu l-marda tal-kanċer u li jinsab għaddej minn problemi finanzjarji rringrazzja mill-qalb lil dawk kollha li fl-aħħar jiem għenu lilu u lill-familja tiegħu.

Wara li Newsbook.com.mt ippubblika dak li tinsab għaddejja minnu din il-familja, Ġorġ irċieva għadd ta’ telefonati fejn kumpaniji kif ukoll il-pubbliku inġenerali tawhom prodotti tal-ikel, tal-ħasil u anke flus. Barra minn hekk, mart Ġorġ sabet ukoll impjieg.

Huwa qal li bis-saħħa ta’ din l-għajnuna tela’ tarġa oħra u saħaq li kull għajnuna tgħin biex tittaffa l-problema.

Ma’ Newsbook.com.mt, Ġorġ spjega kif minħabba d-diffikultajiet finanzjarji, ilu żmien ma jħallas il-kera.

Qal li minbarra spejjeż oħra fosthom it-trobbija ta' żewġt itfal, għandu €200 f’kera kull tliet xhur u li jrid jipprova jlaħħaq mal-ħajja bil-€500 fix-xahar li jirċievi mill-Gvern.

Spjega kif minħabba l-kanċer fil-musrana, li nfirixlu fl-intern kollu, ta’ spiss ikollu jixtri affarijiet bażiċi bħal garżi u stikk.

Il-familja ta’ George ilha taffaċċja sfidi iebsa għall-aħħar sentejn minn meta marad Ġorġ, u għal xi żmien din il-familja kienet tgħix fil-bandli ta’ Ħaż-Żabbar wara li spiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Newsbook iltaqa' mal-familja ta' Ġorġ f'Buġibba ftit tal-ġimgħat ilu, fejn kienu qed jippruvaw jiġbru xi ħaġa tal-flus bit-tama li ma jmorrux jorqdu bla ma jieklu.