“Nibqa’ niġġieled għal Ħondoq sakemm il-Mulej jagħtini saħħa” – Pawlu ta’ Ħondoq

Il-Kunsill Lokali tal-Qala mistenni li jappella mid-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Appelli li reġa' fetaħ beraħ il-każ tal-applikazzjoni ta’ żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien. Is-Sindku tal-Qala Pawlu Buttigieg qal ma' Newsbook.com.mt li l-ġlieda tal-Kunsill u tal-poplu tal-Qala biex din il-medda art tibqa' mhix mittiefsa u għat-tgawdija tal-pubbliku. Huwa qal li se jibqa' jiġġieled kontra din l-applikazzjoni sakemm Alla jagħtih is-saħħa.
Is-saga tal-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ Ħondoq ir-Rummien ilha għaddejja 16-il sena u meta l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar qatagħha kontra l-iżviluppaturi, dawn appellaw għax qalu li d-deċiżjoni kienet ittieħdet fuq pjanti bikrija mhux fuq pjanti riċenti. L-iżvilupp jipproponi appartamenti, vilel u lukanda u l-aċċess s’issa liberu għall-għawwiema aktarx ikun ristrett minħabba il-kummerċjalizzazjoni tax-xtajta.
L-ambjentalista Prof Alan Deidun kien diżappuntat u mistagħġeb li proċess tal-ippjanar jista’ jtawwal 16-il sena sħaħ bi pjanijiet ta’ żvilupp li dejjem jiffavorixxu lill-iżviluppaturi. Jekk iseħħ dan l-iżvilupp, qal il-Prof Deidun, ikun ta’ detriment ambjentali kbir kif ukoll ta’ dannu soċjali konsiderevoli.
Tal-istess fehma kien l-istudju tal-antropologu Jeremy Boissevain, ikkwotat mis-Sindku Buttigieg li kien qal li l-kummerċjalizzazjoni tal-Qali ikollha effett soċjoloġiku negattiv qawwi ħafna. 
“Naqsmu d-diżappunt”
Il-grupp Take the PA to Court qalet li taqsam id-diżappunt li jħoss il-Kunsill Lokali tal-Qala wara li t-Tribunal tal-Appelli reġa' ta ċans lil dak li l-grupp sejjaħ bħala "diżastru ta’ proġett" ikompli għaddej. Il-grupp qal li l-oġġezzjonijiet tan-nies jidher li ma jiswew għal xejn.