“Nibqa’ naħdem favur Ewropa ta’ stati indipendenti” – Sant

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant li se jkun qed jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju li ġej wiegħed li se jkompli jaħdem favur Ewropa ta’ stati indipendenti u sovrani. Insista li se jiġġieled kontra l-kunċett ta’ Ewropa federali li tiddetta minn Brussell il-politika tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea. 

Waqt attività soċjali tas-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis, Sant qal li huwa kruċjali li jkunu eletti rappreżentanti Maltin li jiddefendu l-interessi Nazzjonali ta’ Malta u Għawdex fl-Ewropa.

B’referenza għall-Programm ta’ Ċittadinanza b’investiment, Sant sostna li t-trattati Ewropej “ma jagħtu l-ebda poter lill-UE biex tindaħal fil-Programm Malti ta’ Ċittadinanza b’investiment.” Irrimarka li s-suċċess ta’ Malta f’dan il-qasam wassal biex isiru attakki inġusti fuq Malta u fuq Ċipru, fost l-iċken stati-membri tal-UE. Insista li pajjiżi oħra kbar tal-UE ilhom jagħtu ċittadinanza Ewropea lil ċittadini mhux tal-UE għal raġunijiet oskuri u mhux pubbliċizzati mingħajr l-ebda kontabbilità fuq livell Ewropew, iżda rrimarka kif lil dawn il-pajjiżi ħadd ma jikritikahom.