“Nibqa’ nagħti appoġġ lil żewġi sakemm Alla jagħtini l-enerġija u l-kuraġġ” – Christabelle Borg

Ritratt: Instagram

Christabelle Borg illum tkellmet permezz ta’ messaġġ fuq is-sit soċjali Instagram dwar l-isfidi li hi u r-raġel tagħha Jordan iffaċċjaw mal-ewwel mumenti taż-żwieġ tagħhom f’Settembru li għadda.

Il-messaġġ tagħha kien wieħed ta’ inspirazzjoni hekk kif spjegat li l-ħolma ta’ Jordan minn dejjem kienet li jkollu karriera fil-waterpolo iżda l-karriera professjonali tiegħu dejjem ħadet preċedenza.

Tkellmet kif ftit xhur qabel ma’ żżewġu, hu kien tkellem magħha dwar offerta li saritlu biex jibda jilgħab mal-AS Roma.

“F’dak il-mument bdejt nibki kemm bil-ferħ u anki bid-dwejjaq hekk kif bdejt nipprova naħseb kif iż-żwieġ tagħna seta’ jsalva peress li konna se nkunu qed ngħixu separatament. Ix-xogħol tiegħi ma ppermettix li nippakkja u nitlaq miegħu. Iddeċidejna flimkien li kellu jieqaf għal sena mix-xogħol tiegħu biex b’hekk seta’ jwettaq ħolma li kellu f’ħajtu,” kitbet Christaabelle, li proprju ftit xhur qabel kienet ukoll impenjata biex tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest bil-kanzunetta Taboo.

Xejn ma kien faċli minħabba li Jordan telaq ġimgħa qabel it-tieġ u ġie lura ġurnata qabel biex imbagħad kellu jitlaq sagħtejn wara li spiċċa r-riċeviment tat-tieġ.

“L-għada filgħodu qomt bħala mara miżżewwġa iżda mingħajr ir-raġel. Iddeċidejt li nmur inżuru kemm jista jkun u kull ħmistax kont qed nitlaq lejn Ruma għal 36 siegħa,” kompliet tiftaħ qalbha l-kantanta żagħżugħa.

Iżda aktar ma għadda żmien, is-sitwazzjoni bdiet issir diffiċċli u l-argumenti ma naqsux, għalkemm ma kienux idumu wisq ma jinsew l-argumenti.

Xi drabi s-sitwazzjoni bejniethom kienet tkun diffiċċli u drabi oħra faċli. Spjegat kif issa Jordan jinsab lura wara staġun ta’ suċċess mal-AS Roma u li kienet l-imħabba tagħhom lejn xulxin li għelbet id-diffikultajiet li kellhom.

“Jien nibqa’ nagħti appoġġ lil żewġi għal dejjem, sakemm Alla jagħtini l-enerġija u l-kuraġġ biex biex nagħmel dan, kif l-istess jagħmel  hu. L-imħabba tirbaħ,” temmet tikteb Christabelle hekk kif issa hi u Jordan jinsab lura.

Awguri lil din il-koppja biex iħarsu ‘l quddiem u jkomplu jissudaw fl-imħabba li għandhom lejn xulxin.