“Nibqa’ Kap tal-PN sakemm jibqgħu jafdawni t-tesserati” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li se jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista sakemm jibqgħu juru fiduċja fih dawk li eleġġewh, jiġifieri t-tesserati.

Dan qalu meta kien intervistat fuq il-programm XTRA Sajf ippreżentat minn Saviour Balzan li nġibed dalgħodu, iżda xxandar fuq TVM illejla.

Minn dalgħodu sal-lejla, il-kwistjoni politika fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ħadet xejra kemxejn differenti, peress li seħħ l-iżvilupp kbir illi ġiet proposta Therese Comodini Cachia biex tieħu post Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Lil Comodini Cachia għażluha l-Membri Parlamentari li taw vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia din il-ġimgħa.

19-il persuna weriet sfiduċja f’Delia, filwaqt li 11 urew fiduċja fih. Wara li ttieħed il-vot sigriet, Delia qal li beħsiebu jibqa’ jokkupa l-kariga diment li ma jitneħħiex, għaliex iħoss li għandu responsabbiltà lejn dawk li eleġġewh u lejn il-poplu Malti.

Wara li tressaq isem Comodini Cachia, Delia nnifsu talab lill-President George Vella biex ikollu laqgħa miegħu. Wara din il-laqgħa, għadd ta’ Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista żaru lill-President fil-Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard.

Din ma kinitx l-ewwel darba li tressaq vot ta’ fiduċja f’Adrian Delia, iżda din kienet l-ewwel darba li kien hemm maġġoranza li wrew sfiduċja fih bħala Kap. Din id-darba l-kwistjoni qamet wara li kien hemm rapporti li indikaw li Delia tkellem ma’ Yorgen Fenech fuq WhatsApp wara li ħareġ li dan kien sid il-kumpanija 17 Black.

Fl-intervista tal-lum, Delia qal li qatt ma kellu ħbiberija ma’ Yorgen Fenech. Ċaħad li Fenech qatt offrielu flus, jew li hu qatt talab flus lil Fenech b’rabta ma’ kampanja kontra li jiġi elett David Casa bħala MEP. Dan ġie allegat fil-qorti. Delia ħa ġurament biex jaħlef li dan mhuwiex minnu.

Bħalissa fil-qorti għaddejjin proċeduri kontra Yorgen Fenech billi qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Kap tal-PN semma kif kull darba li hu jieħu xi azzjoni sabiex jiġġieled il-korruzzjoni, jinqalgħu xi allegazzjonijiet fuqu. Din il-ġimgħa, meta ġie ppubblikat ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq it-tliet sptarijiet Maltin mixtrijin mill-Vitals Global Healthcare, Delia ġie sfiduċjat. Huwa ilu dawn l-aħħar snin jiġġieled kontra dan il-ftehim tal-Gvern Malti mal-kumpanija, għaliex jisħaq li din hi l-ikbar serqa fl-istorja tal-poplu Malti, u li l-isptarijiet għandhom jingħataw lura lill-Maltin.

Mistoqsi fi tmiem l-intervista jekk xahar ieħor Delia hux se jkun għadu kap jew bniedem komuni, Delia qal, “Ċertament Kap tal-Partit Nazzjonalista.”