Nibnu organizzazzjonijiet reżiljenti

HSBC Malta
Mix-xellug, l-economista JP Fabri, Joyce Grech, Kap tas-Servizzi Kummerċjali Bankarji ma’ HSBC Malta u Joe Schembri, Uffiċjal Kap ta’ TradeMalta

Read in English.

L-impatt tal-imxija COVID-19 inħass minn kważi l-2,604 ditta u korporazzjoni kollha mistħarrġa mill-Grupp HSBC għar-rapport tal-bank Navigator Report li sar aktar kmieni din is-sena. Is-sejbiet tar-rapport, intitolat ‘Building back better’, ġew diskussi waqt il-webinar ‘Nibnu Organizzazzjonijiet Reżiljenti’, li sar minn TradeMalta u appoġġjat mill-HSBC Bank Malta.

Il-webinar iffoka fuq kif il-kumpaniji qed jifilħu għall-kriżi attwali u kif qed jippjanaw li jagħmlu l-intrapriżi tagħhom aktar flessibbli u reżiljenti. Fost il-kelliema mistiedna kien hemm Warwick Long, Kap tas-Servizzi Kummerċjali Bankarji, UK Non Ring-fenced Bank & Europe International, HSBC Bank plc, Joyce Grech, Kap tas-Servizzi Kummerċjali Bankarji HSBC Malta, l-ekonomista JP Fabri, u Joe Schembri, Uffiċjal Kap ta’ TradeMalta li mexxa d-diskussjoni .

L-imxija COVID-19 kellha impatt qawwi fuq aktar minn żewġ terzi tal-kumpaniji mistħarrġa. B’dawn l-impatti daħlu aġġustamenti u maġġoranza sinifikanti ta’ negozji jkomplu joperaw b’modi li huma differenti għax-xenarju ta’ qabel il-pandemija.

Fix-xenarju ekonomiku u kummerċjali inċert ikkawżat mill-imxija, ir-reżiljenza hija kkunsidrata ta’ importanza primarja. F’dan il-kuntest, balance sheet b’saħħitha u working capital effiċjenti huma meqjusa bħala kruċjali biex il-kumpaniji jinżammu f’pożizzjoni tajba. Il-koronavirus ukoll ifforma mill-ġdid il-prijoritajiet, bil-biċċa l-kbira tal-kumpaniji jiffokaw fuq ippjanar għal żmien qasir, u minoranza biss li għandhom kapaċità biżżejjed biex jikkunsidraw pjanijiet fit-tul.

Il-bidliet, madankollu, fetħu opportunitajiet ġodda peress li ħafna negozji qegħdin isegwu b’mod attiv prospetti ġodda. Il-pandemija biddlet ukoll il-mod kif joperaw in-negozji. Il-kumpaniji jistennew li remote working se jsir in-norma fis-sentejn li ġejjin, filwaqt li laqgħat virtwali u għodod ta’ kollaborazzjoni huma antiċipati li jsiru teknoloġiji standard. In-negozji jifhmu l-ħtieġa li jiġu diġitalizzati aktar proċessi.

Rapporti preċedenti ta’ HSBC Navigator urew li s-sostenibbiltà ambjentali issa tidħol fl-aspetti kollha tal-istrateġija tan-negozju, u l-kumpaniji ma marrux lura mill-impenji tagħhom matul il-pandemija. Il-pressjoni biex issir aktar sostenibbli ġejja minn tliet sorsi ewlenin: id-domanda tal-klijent, ir-regolamenti tal-gvern u l-impjegati. B’riżultat t’hekk, disa’ minn kull għaxar negozji jgħidu li għandhom bżonn jevalwaw mill-ġdid jew jirrevedu l-operazzjonijiet tagħhom biex jerġgħu jistabbilixxu l-operazzjonijiet tagħhom fuq pedamenti ambjentali aktar sodi.

Joyce Grech, Kap tas-Servizzi Kummerċjali Bankarji ma’ HSBC Malta, qalet: “Wieħed biss minn kull ħames negozji jemmen li l-infrastruttura u l-kultura tagħhom huma b’aġilità suffiċjenti, u dan jindika dgħufijiet sinifikanti – iktar ma l-organizzazzjoni tkun aġli, iktar tkun ippreparata aħjar għal kriżi. Qed naraw ukoll li l-kapital uman huwa fattur importanti. It-trattament tajjeb tal-impjegati huwa wieħed mill-aqwa karatteristiċi ta’ kumpanija reżiljenti, għalhekk prattiċi kulturali tajbin jistgħu jibnu l-lealtà tal-impjegati fit-tul.”

L-aħħar rapport HSBC Navigator bl-isem ‘Now, next and how for business’, li kompla jibni fuq ir-rapport tas-Sajf, għadu kemm ħareġ u jinsab disponibbli fuq is-sit f’dan il-link . F’din l-edizzjoni ġew mistħarrġa 10,000 negozju minn 39 pajjiż, swieq u territorji differenti.

Dan it-tagħrif twassal mill-HSBC.