Filmat: “Nibda ntemtem kieku ngħidilkom li fhimt il-misteru tal-Milied”

L-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, qal li x-xbieha tant sempliċi ta’ Ġesù fil-maxtura ma tridx wisq biex iġġegħelna naqgħu fl-iżball li niġġudikaw il-ktieb minn qoxortu.
Fil-messaġġ uffiċjali tal-Isqof għal dal-Milied, Mons. Grech sostna li l-misteru ta’ Alla li sar bniedem tant huwa profond li jekk ikollu jgħid li fehmu jibda jtemtem.
Ma’ dan żied li dan il-misteru huwa marbuta sfiq il-mewt bil-kalvarju ta’ Kristu, għax hu l-istess Ġesù li minn tarbija spiċċa msallab.
L-Isqof irrimarka li dan il-misteru jurilna l-imħabba t’Alla, minkejja li huwa misteru li kważi impossibbli li nirraġunawh.
“It-tarbija ta’ Betlem tikxfilna l-misteru tal-imħabba t’Alla”, tenna l-Isqof.
Hawnhekk Mons. Grech stieden lill-Maltin jiffissaw il-ħarsa, inkella l-ħsieb, fis-sliem u l-adorazzjoni għal dal-misteru, li l-Isqof qal li għandu żewġ faċċati: dak tat-twelid, iżda anki tal-mewt.
Għalhekk għalaq il-messaġġ tiegħu jawgura li lil hinn miċ-ċelebrazzjonijiet, iċ-ċekċik tat-tazzi u t-tpetpit tad-dwal, il-poplu jikkuntempla t-twelid ta’ Ġesù u ma jiqafx sal-qoxra tiegħu, li turina tarbija komuni titwieled fil-faqar, għax taħt dil-qoxra hemm il-misteru ta’ Alla li jħobb lill-umanità.