“Nibagħtu assistenza f’pajjiżhom biex ma jemigrawx” – Sant

Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista tal-Parlament Ewropew Dr Alfred Sant qal li hija prijorita` tal-Unjoni Ewropea għandha tkun assistenza lil popolazzjonijiet f’art twelidhom biex tkun evitata l-immigrazzjoni sfurzata.

Fl-intervent tiegħu fil-Parlament Ewropew Dr Sant spjega għaliex ivvota favor Rapport li rrakkomanda abbozz dwar l-emendi tal-budget bl-għan li jkunu mobilizzati €500 miljun għal finanzjament tal-akbar parti tal-budget tal-2018 iddedikata lil Faċilita` tar-Refuġjati fit-Turkija. Dan il-finanzjament se jkun iddedikat l-aktar għall-edukazzjoni ta’ tfal Sirjani refuġjati fit-Turkija.

“Il-Faċilita` tar-Refuġjati fit-Turkija hija t-tweġiba tal-UE biex tagħti appoġġ lir-refuġjati f’pajjiż ta’ transitu. Dan il-finanzjament huwa wkoll kruċjali għal kull tama ta’ suċċess li jista’ jkollha l-politika tal-ażil tal-UE,” huwa qal.

Skont in-Nazzjonijiet Uniti, it-Turkija attwalment tospita aktar minn 3.5 miljun refuġjat Sirjan reġistrat u ta’ min ifaħħarha għall-isforzi li qed twettaq biex tipprovdilhom appoġġ u għajnuna umanitarja.

Ir-rapport għadda b’548 voti favur, 70 kontra u 61 astenzjoni.