“Nhar it-Tnejn se nispjega kif il-PN se jgħin in-nies” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li nhar it-Tnejn li ġej, se jispjega kif il-PN se jgħin lin-nies mill-Oppożizzjoni.
Dan ħabbru llejla waqt il-programm Bejn Tnejn fuq Net Television.
L-avukat Delia saħaq li l-Baġit ikkonferma li s-surplus mhux sejjer fl-investiment għall-futur tal-pajjiż. Ħass li dak li qal il-Gvern qabel il-Baġit ma ġiex rifless fid-dokument finali.
Delia stqarr li filwaqt li l-Gvern prova jagħti l-impressjoni li taħtu ma żdiedx id-dejn, il-verità hi li kemm ilu Gvern Laburista, id-dejn żdied b’elf miljun Ewro. Qal ukoll li skont il-proġezzjonijiet tal-istess Gvern, is-surplus jidher li qed jonqos.
Dwar il-problema tat-traffiku, Adrian Delia qal li l-Gvern, qabel jgħid li se jonfoq €700 miljun, ma rax kif se jsolvi l-problema tat-traffiku. Sostna li l-Gvern mhux qed jgħid xi kwalità ta’ toroq għandu bżonn il-pajjiż, u lanqas mhu jirreferi għall-mezzi tat-trasport li l-pajjiż għandu bżonn fil-futur.
Il-Kap saħaq li l-PN qed jinsisti li l-Gvern jinvolvi l-esperti fl-ippjanar, fosthom inġiniera.
“Ejja naraw x’jixraq għas-soluzzjoni tat-trasport f’pajjiżna, u rridu naħdmu fuq pjan komprensiv għal Malta u Għawdex,” qal Adrian Delia.
Dwar l-edukazzjoni, Delia sostna li l-Baġit ma jirrikonoxxix il-problema gravi li teżisti fis-settur. Irrefera għall-kritika tal-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) dwar il-Baġit, kif ukoll għall-wegħdi tal-Gvern li jibni l-iskejjel li diġà kien wiegħed li jibni matul is-sena li għaddiet.
Delia kompla jgħid li l-Gvern nesa kompletament lill-bdiewa, lis-sajjieda u l-ħajja ta’ kwalità għall-annimali.
Temm jgħid li l-PN lest jgħin biex jinstabu soluzzjonijiet għal dawn il-problemi.
Ritratt: PN