Nhar is-Sibt li ġej se jinfetaħ il-Bieb tal-Ħniena fl-Isla

L-Arċisqof Charles Scicluna se jiftaħ it-tielet u l-aħħar Bieb tal-Ħniena nhar is-Sibt li ġej fl-Oratorju tal-Kurċifiss mal-Bażilika ta' Marija Bambina fl-Isla.
Din iċ-ċelebrazzjoni se tibda b'purċissjoni mill-Bażilika u tispiċċa fl-Oratorju tal-Kurċifiss.
Wara l-Arċisqof se jiftaħ il-Bieb tal-Ħniena u l-ġemgħa mistennija tgħaddi mill-istess Bieb u tidħol lura fil-Bażilika u tkompli l-quddiesa.
Iċ-ċelebrazzjoni tagħlaq b'tislima lil Marija Bambina bis-Salve Reġina.
Il-Bieb tal-Ħniena huwa simbolu li persuna qed tilqa’ l-istedina tal-maħfra u l-imħabba tal-Missier matul is-sena tal-Ġublew tal-Ħniena li nieda l-Papa Franġisku.
Dan il-Ġublew tal-Ħniena se jintemm fl-20 ta’ Novembru.
Radju RTK u Radju Marija se jxandru ċ-ċelebrazzjoni.