Nhar is-Sibt filgħaxija jiġu ppremjati l-aqwa atleti Maltin u Għawdxin

Nhar is-Sibt li ġej se ssir edizzjoni oħra tal-iSport Malta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali, fil-lukanda Corinthia Attard u s-serata se tixxandar diretta fuq TVM2 bit-trasmissjoni li tibda fit-8.15pm.
L-edizzjoni ta' din is-sena se tkun organizzata mill-Kunsill Malti għall-Isport u l-Għaqda Ġurnalisti Sports bil-kollaborazzjoni tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Inovazzjoni, Riċerka, Żgħażagħ u Sport, li flimkien laħqu ftehim sabiex jorganizzaw dan l-avveniment nazzjonali flimkien għat-tliet snin li ġejjien.
L-Isport Malta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali għandhom storja ta' ‘l fuq minn 50 sena fejn dawn l-għażliet żvillupaw minn sena għal sena.
Sa mill-ewwel edizzjoni li rat lil Wilfred Pirotta jirbaħ l-unur tal-Isportiv tas-sena sal-lum dan l-avveniment kiber fil-popolarita' tiegħu u żdiedu l-kategoriji tant li llum hemm seba' kategoriji prinċipali jiġifieri Sportivi, Sportiva, Tim tas-Sena, Kowċ tas-Sena, Uffiċjal tas-Sena, Żagħżugħa u Żagħżugħa tas-sena.
Għaddew 50 sena minn meta l-mibki Benny Pace twebbel li bis-saħħa tal-ġurnal tieghu ‘The Sporting Star’ joħloq l-Isportivi tas-Sena.
Dak iz-zmien kienet biss għażla popolari bil-qarrejja li jkunu huma li jaraw min kien ħaqqu jirbaħ l-ogħla unur tal-isport f’pajjiżna.
Għal snin twal il-votazzjoni għall-finalisti u eventwalment rebbieħa kienet issir mill-membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports dakinhar waqt is-serata bl-użu tal-famużli paletti bin-numri, u snin wara l-votazzjoni kienet issir ftit jiem qabel il-finali.
Il-Kumitat Organizattiv ħa ħsieb li l-votazzjoni terġa’ tmur għall-oriġini tagħha b'votazzjoni live waqt is-serata nnifisha ovvjament b'teknoloġija moderna u iktar professjonali.