Nhar il-Ħamis inkunu nafu min se tkun il-ġurija ta’ X Factor Malta 2

Wara s-suċċess fenomenali tal-ewwel staġun tal-kompetizzjoni televiżiva X Factor Malta, bla dubju jeżisti ħafna interess dwar it-tieni staġun li se nkunu nistgħu nibdew insegwu malli tibda l-iskeda tal-ħarifa.

Ira Losco, Howard Keith Debono, Alexandra Alden u Ray Mercieca kienu l-ġurija fl-ewwel staġun. Iżda tgħid se jerġgħu jkunu dawn l-istess membri tal-ġurija għat-tieni staġun? Jew se jkun hemm oħrajn differenti?

Mhux se jkollna għalfejn nistennew wisq għax permezz tal-paġna uffiċjali tal-programm, it-tim tal-produzzjoni ħabbru li se jkunu qed jiżvelaw l-ismijiet tal-ġurija minn nhar il-Ħamis li ġej.

Apparti din il-kurżità, ħafna huma dawk li huma ħerqanin biex ikunu jafu min huma dawk li se jkunu qed jipparteċipaw f’din it-tieni edizzjoni, b’bosta artisti diġà ħabbru li se jkunu qed jiipparteċipaw.

L-ewwel edizzjoni ta’ X Factor Malta ittellgħet bejn Ottubru 2018 u Jannar 2019 u l-ntrebħet mill-kantanta Għawdxija ta’ 18-il sena Michela Pace, li permezz ta’ hekk irrappreżentat lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest li sar f’Tel Aviv fl-Iżrael, bil-kanzunetta Chameleon.