Nhar il-Ħadd tella’ l-bandiera Maltija fuq l-arblu tal-bejt – Il-Gvern

Il-Gvern qed jappella lill-poplu Malti sabiex nhar il-Ħadd li ġej itella’ l-bandiera Maltija fuq l-arblu tal-bejt. Dan qalu f’messaġġ fil-bulettin dwar il-coronavirus li qed jippubblika ta’ kuljum bl-aħħar aġġornamenti li jkunu ħarġu matul il-jum partikolari.

Il-Gvern qed jappella sabiex kulħadd jagħmel din l-azzjoni bħala messaġġ ta’ tama u kuraġġ lil xulxin f’din il-ġlieda kontra għadu li ma jidhirx.

Ħadd ma jinqabad fi grupp ta’ aktar minn tlieta

Il-Gvern qal li matul il-jum tal-bieraħ ħadd ma nstab fi gruppi ta’ aktar minn tliet persuni f’postijiet pubbliċi waqt ir-rondi li qed tagħmel il-Pulizija. Intant, persuna nstabet tikser il-kwarantina obbligatorja u ġiet immultata €3,000. Fl-aħħar 24 siegħa saru 738 spezzjoni mill-forzi tal-ordni u l-awtoritajiet tas-saħħa.

L-aħħar żvilupp tal-COVID-19

Ilbieraħ tħabbru 10 każijiet ġodda li ħarġu pożittivi għall-coronavirus wara aktar minn 1,090 test li saru bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa. Fost il-każijiet ġodda hemm mara li ġiet lura mill-Ingilterra fit-12 ta’ April fuq titjira ta’ ripatrijazzjoni kif ukoll 3 każijiet oħra fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far fejn issa b’kollox hemm 34 persuna li rriżultaw pożittivi għall-virus. Il-kwarantina f’Ħal Far ġiet estiża b’14-il jum ieħor fuq ordni tal-awtoritajiet tas-saħħa billi l-imxija kompliet tinfirex. Dawk pożittivi qed jiġu kkurati f’ċentru mediku apposta tar-Red Cross qrib iċ-ċentru miftuħ.

9 persuni oħra fiequ mill-Covid-19. Għalhekk, għat-3 darba din il-ġimgħa, iktar persuni ġew ikkonfermati li ħelsu mill-virus. S’issa b’kollox hemm 91 persuna li fiequ mill-Covid-19. Persuna titqies li tfiq mill-virus wara li tirriżulta negattiva f’test li jkun sar wara tkun ħarġet pożittiva.

Il-Gvern qal li f’Malta wkoll, bħal diversi pajjiżi oħra fid-dinja, huma aktar l-irġiel milli n-nisa li s’issa ħarġu pożittivi għall-virus. L-istess jgħodd għal dawk li fiequ. Skont ċifri li xxandru mill-awtoritajiet tas-saħħa, l-aktar li mardu bil-virus huma dawk fl-età ta’ bejn l-20 u l-34 sena. Bażikament il-popolazzjoni żagħżugħa li taħdem. L-akbar għadd ta’ pazjenti bil-Covid-19 jgħixu fil-Majjistral ta’ Malta u l-inqas dawk li jgħixu fil-Punent ta’ Malta. Hemm 20 każ f’Għawdex.

Salvati 77,000 impjieg

Il-Gvern qal li diġà ġew salvati 77,000 impjieg bis-saħħa tal-għajnuna li qed jagħti l-Gvern lis-setturi l-aktar milquta bl-effetti tal-pandemija. Ġie spjegat li permezz tal-COVID-19 wage supplement, il-Gvern qed jagħti €800 għall-haddiema full-time u €500 għal dawk part-time. Applikaw iktar minn 17,000 negozju u s’issa diġà tħallsu iktar minn €5 miljun li jkopru 12,700 impjegat. Il-Gvern qal li s-setturi l-aktar milquta huma t-turiżmu, l-akkomodazzjoni u r-ristoranti. Bdew jitħallsu wkoll il-leave tal-kwarantina u l-iskema ta’ inċentiv tat-telework.

Għandek bżonn l-għajnuna? Ċempel fuq wieħed minn dawn il-helplines

  • 111 – Għal dawk li jħossu sintomi tal-COVID-19 jew jixtiequ iktar informazzjoni
  • 21411 411 – Għal dawk fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċinali
  • 2294 4511/2294 4504 – Biex tirrapporta lill-pulizija każi ta’ ksur tar-regolamenti dwar saħħa pubblika u l-Covid-19
  • 1770 – Għal min għandu bżonn appoġġ emozzjonali u serħan mentali
  • 1772 – Għal dawk li jħossuhom waħedhom
  • 2545 1111 – Għal healthcare workers f’Mater Dei, fl-Isptar Boffa u Sir Anthony Mamo
  • 2364 5002 – Għal ħaddiema fil-Primary Health Care, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u Mount Carmel
  • 1575 – Għall-ħaddiema biex jistaqsu dwar pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol
  • 1576 – Għal min iħaddem biex jistaqsu dwar pagi u kundizzjonijiet ta’ xogħol
  • 153 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li qed jiġu amministrati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali
  • 144 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-miżuri fil-pakkett finanzjarju li qed jiġu amministrati mill-Malta Enterprise
  • 2204 2200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’pajjiż ieħor u jridu jiġu lura Malta
  • 2204 2800 – Għal ċittadini barranin li jridu jiġu ripatrijati
  • 80074313/79307307 – Għal dawk li jkollhom diffikultà dwar l-għoti tad-demm
  • 2598 1000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv
  • 2169 2447– Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra
  • 2590 3030 – Għall-anzjani mingħajr sapport li għandhom bżonn mediċini, ikliet lesti jew prodotti tal-ikel (frott u ħaxix)
  • 2546 9111 – Għal dawk li jaħdmu fl-industrija tal-gaming

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn