Nhar il-Ħadd issir l-Enduro f’Ta’ Qali

L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) nhar il-Ħadd li ġej se tkompli l-kampjonat bil-muturi Enduro.
Din it-tiġrija din id-darba ser issir fil-kumpless sportiv tal-ASMK f’Ta’Qali. Intant l-Assoċjazzjoni nhar il-Ħadd li għadda organizzat it-tieni attività bil-karozzi Autocross minkejja l-maltemp li ddomina filgħodu.
L-attività bdiet b’quddiesa organizzata ta’ kull sena mill-ASMK, b’rispett lejn dawk il-membri li marru fl-eternità.
It-tiġrijiet bdew fil-11:00am fuq korsa perfetta li offriet spettaklu ta’ sewqan sportiv avolja ħadd ma rnexilu jirbaħ il-heats kollha tal-ġurnata.
Għall finali klassi A ikkwalifikaw Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo, MeloZammit u Manuel Muscat fuq Opel Corsa, Philip Joe Vella u Keith Borg fuq Opel Nova u Christian Apap fuq Ford Fiesta.
Għall finali klassi B ikkwlifikaw Karl Micallef u Duncan Delia fuq Ford Fiesta, Jason Martin fuq Volkswagen Polo, Godwin Martin fuq Opel Corsa, Philip Grima fuq Ford Escort u Carlos Mifsud fuq Ford Fiesta.
Mis-Sezzjoni Gozo Autocross rajna lill Domnic Zammit fuq Alfa Sud jiddomina il-ġurnata segwit min Joseph Agius fuq Ford Fiesta.
Matul il-ġurnata Zammit spiċċa rebaħ il-heats kollha tal-ġurnata waqt li dejjem kien segwit min Agius.
Fl-istess ġurnata tħassret it-tiġrija tal-muturi Motocross minħabba raġuni ta saħħa u sigurtà għas-sewwieqa, għall fatt li ma kienx xieraq li ssir it-tiġrija fuq korsa daqstant mifquha bit-tajn miħabba ix-xita ta’ matul il-ġurnata. 
Intant nhar il-Ħadd 30 ta’ Novembru, mistennija ssir attività oħra bil-karozzi Autocross.