Nhar il-Ġimgħa jibda’ l-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex 2020

Ritratt: Joseph Mercieca - MGOZ

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li għal sena oħra se jittella’ l-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex bejn il-21 u l-25 ta’ Frar, 2020. Clint Camilleri qal li bħalma għamel fis-snin mgħoddija, il-Ministeru għal Għawdex ħa ħsieb jorganizza u jikkordina attivitajiet varji li jqanqlu l-gosti ta’ kulħadd. Fil-fatt, il-Ministeru għal Għawdex jgħin b’mod finanzjarju u loġistiku biex din il-festa tkun suċċess, u ħabbar li din is-sena se jixxandru live links il-Ħadd u se jixxandar live kollu fuq il-PBS it-Tnejn.

Żied li hu ta’ sodisfazzjon għalih li l-ħidma tal-ministeru biex il-Karnival f’Għawdex isir dejjem iżjed popolari, qed tqajjem aktar interess f’dawk kollha involuti, fil-parteċipanti u anke f’dawk li jiġu jżuru l-Karnival.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega li kif ġara fl-aħħar is-snin, il-Maltin u l-barranin jiġu Għawdex, proprju għax il-Karnival ta’ Għawdex hu wieħed speċjali; forsi aktar spontanju u b’karatteristika unika. Hawnhekk stieden lil dawn in-nies u tahom merħba, “biex magħna jiġu jiddevertu filwaqt li japprezzaw it-talenti tagħna, l-inizjattiva li nieħdu u d-determinazzjoni li għandna biex il-Karnival ta’ kull sena jkun aqwa minn dak tas-sena preċedenti.”

Il-Karnival kien dejjem maħbub mill-poplu Għawdxi u f’dawn il-jiem ta’ briju l-Għawdxin sa minn dejjem kienu jistennew li jieqfu ftit mir-ritmu normali, sabiex jipparteċipaw u joħolqu atmosfera pjaċevoli kemm għall-kbar kif ukoll għaż-żgħar. Il-poplu Għawdxi joffri sehmu għal din il-festa, u għadd ta’ voluntiera li jħobbu l-Karnival jaħdmu s-sena kollha biex jippreparaw kostumi b’kuluri vivaċi, karrijiet, maskaruni u żifniet li jagħtu pjaċir lil kull min jarahom. 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm billi rringrazzja lill-kumitat fi ħdan il-ministeru li jaħdem b’għaqal matul is-sena kollha kif ukoll lill-mijiet ta’ individwi, għaqdiet u voluntiera li ħadmu bis-sħiħ biex il-Karnival ta’ din is-sena jkun ta’ interess għal kulħadd u għal darb’oħra ta’ suċċess.

Ritratt: Joseph Mercieca – MGOZ

Il-Ġimgħa 21 ta’ Frar fis-6:00pm: Parata

Parata tul Triq ir-Repubblika mis-Centre Stage Dance Academy sa Pjazza Indipendenza (ItTokk) bis-sehem tal-kumpaniji ta’ żfin u l-Kumittiva.

Is-Sibt 22 ta’ Frar fid-9:30am: Karnival tat-Tfal Children’s Carnival

Żfin fi Pjazza Indipendenza (It-Tokk) bis-sehem ta’ kumpaniji ta’ żfin, kumpaniji tal-iskejjel, maskri grotteski, il-Kumittiva, kumpaniji umoristiċi u karrijiet trijonfali.