NGOs Maltin jissieħbu ma’ 400 għaqda Ewropea kontra t-TTIP

Numru ta’ għaqdiet, NGOs u partiti politiċi ngħaqdu flimkien bħala l-front Social Europe fil-jum dinji kontra l-ftehim TTIP.
Dan il-jum kontra l-ftehim tranżatlantiku bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti se jiġi mfakkar fit-18 ta’ April.
Il-front twaqqaf is-sena li għaddiet u qed jappella lis-settur pubbliku u privat biex jingħaqdu flimkien sabiex iħarsu l-interessi tal-ekonomija ta’ Malta.
Il-membri tal-front qed isostnu li l-ekonomija tagħna hija bbażata fuq il-produttività ta’ intrapriżi żgħar u medji, bil-ħarsien tal-ambjent u l-aspett soċjali biex in-negozju bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jkun trasparenti.
Il-Maltin jiffurmaw parti minn alleanza ta’ aktar minn 400 għaqda oħra mis-soċjetà ċivili li bdew l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej kontra l-ftehim TTIP.
Il-front Social Europe huwa magħmul minn Żminijietna, l-Moviment Graffitti, Anti-Poverty Alliance, Association of Federative Socialists, GWU Youths, Friends of the Earth Malta, Partit Komunista Malti, Garden of Knowledge, ADZ Green Youth, Malta Organic Agriculture Movement, Greenhouse, Gaia Foundation u Alternattiva Demokratika.