NGOs jgħidu lill-PM biex ma jgħaġġilx bir-riformi dwar il-prostituzzjoni

Read in English.

Għadd ta’ NGOs avżaw lill-Prim Ministru li meta wieħed jiddekriminalizza l-prostituzzjoni mingħajr ma jikkriminalizza lix-xerrej, dan jiftaħ il-bibien għat-traffikar bir-riskju li Malta tinbidel f’post magħruf għat-turiżmu tas-sess.

Hemm 38 organizzazzjoni li qed iħeġġu lill-Gvern biex ma jgħaġġilx din id-deċiżjoni u biex jistrieħ fuq esperti li għandhom għarfien dwar il-konsegwenzi ta’ liġijiet inadegwati dwar il-protezzjoni tan-nies kontra t-traffikar u l-esplojtazzjoni.

Fi stqarrija, il-grupp tal-NGOs flimkien ma’ akkademiċi qalu li qed jisperaw li l-Gvern mhux se jistrieħ fuq opinjoni li mhix infurmata imma li tirrispetta l-konklużjonijiet ibbażati fuq l-evidenza li ħejjiet is-soċjeta ċivili u dawk kollha li appoġġjaw il-proposta għan-Nordic Model.

L-NGOs qalu li bħalissa għaddej process ta’ konsultazzjoni dwar is-suġġett. Se jkollhom smigħ fil-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali fil-Parlament fl-4 ta’ Frar.

L-NGOs għamlu referenza għal dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela dwar il-prostituzzjoni waqt attività politika l-Ħadd li għadda.

Abela qal li l-prostituzzjoni m’għandiex tibqa’ offiża kriminali. Spjega li hemm ħafna nies li jaħdmu fil-prostituzzjoni li jkunu kibru f’dak l-ambjent u li ma jafux aħjar. Uħud minnhom ikunu bdew jaħdmu ta’ 12-il sena.

Abela qal li mhux se jaċċetta li prostituti jmorru l-ħabs minflok jingħataw l-għajnuna.

L-NGOs qalu li dwar dan jaqblu mal-PM.

Min huma l-NGOs?

Association for Equality (A4E), Attard Ladies Cultural Club (ALCC) Azzjoni Kattolika Maltija (AKM), Caritas, Dar Hosea, Dar Merhba Bik, Department of Gender Studies (UOM), Department of Social Policy and Social Work (UOM), emPOWer Platform, Business and Professional Women (Valletta) Malta (BPW), Foundation for Women Entrepreneurs Malta (FWE), Malta Association of Women in Business (MAWB), Malta Foundation for the Wellbeing of Society (MFWS), National Centre for Family Research, National Observatory for Living with Dignity, National Institute for Childhood, Malta Girl Guides (MGG), Moviment Nisa’ Partit Nazzjonalista (MNPN), National Council of Women (NCW), Soroptimists International Malta (SI), Young Women’s Christian Association (YWCA), Faculty of Theology (UOM), Ghaqda Studenti tat-Teologija, Good Shepherd Sisters, Justice and Peace Commission, Local Councils’ Association, Malta Association of Public Health Medicine (MAPHM), Malta Confederation of Women’s Organisations (MCWO), Malta Medical Students Association (MMSA), Malta Midwives Association (MMA), Men Against Violence (MAV), OASI Foundation, Saint Jeanne Antide Foundation (SJAF), Solidarity Overseas Service (SOS) Malta, University Chaplaincy, Victim Support Malta (VSM), Women’s Rights Foundation, u Women’s Study Group (WSG).

Il-proposti tagħhom għandom l-appoġġ ta’ dawn l-organizzazzjonijiet internazzjonali:

Coalition Abolition Prostitution (CAP) International, Coalition Against Trafficking in Women (CATW), European Network of Migrant Women (ENOMW), European Women’s Lobby (EWL), u Survivors of Prostitution Abuse Calling for Enlightenment (SPACE) International.

Il-Ħadd li għadda Robert Abela tkellem dwar kif il-prostituzzjoni mhux se tibqa’ titqies bħala kriminalità.

X’qal il-PN dwar il-prostituzzjoni?

Intant, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija saħaq li l-Oppożizzjoni se tibqa’ taħdem favur liġi li tipproteġi lill-persuni vulnerabbli. Irrimarka li l-konsultazzjoni li suppost wettaq il-Gvern dwar il-prostituzzjoni kienet intiża biex isservi biss ta’ paraventu għal min irid ikompli jistagħna minn fuq il-persuni vulnerabbli.

Il-PN enfasizza li kwalunkwe tibdil f’liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-prostituzzjoni għandhom ikunu mibnija fuq żewġ prijoritajiet:

1.         Il-prostituzzjoni hija attività li tħalli impatt negattiv fuq dawk involuti fiha kif ukoll fuq is-soċjetà b’mod ġenerali; u

2.         Il-prostituti huma vittmi f’din l-attività u bħala persuni vulnerabbli għandhom jingħataw l-appoġġ kollu possibbli sabiex ikunu jistgħu joħorġu minn din l-attività.