Nhar it-Tnejn id-deċiżjoni dwar il-moll ta’ San Ġiljan

Read in English.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u 11-il Organizzazzjoni mhux Governattiva qed iħeġġu lill-Kummissjoni tal-Ippjanar sabiex tirrifjuta, mingħajr kundizzjonijiet, l-applikazzjoni għal moll privat fil-Bajja tal-Balluta, li se joffri servizz turistiku “hop-on hop-off” immexxi mis-sidien tal-Fortina.

L-applikazzjoni se tiġi deċiża waqt seduta tal-Awtorità tal-Ippjanar nhar it-Tnejn li ġej. Ir-residenti taż-żona diġà esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għal dan il-proġett waqt attività pubblika f’Novembru li għadda.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan kiteb ukoll lill-Awtorità tal-Artijiet sabiex joġġezzjona b’mod kategoriku għal kwalunkwe għoti tal-qiegħ tal-baħar mill-Awtorità tal-Artijiet. “Jekk il-Kummissjoni tal-Ippjanar tilqa’ din l-applikazzjoni, il-Bajja tal-Balluta se tiġi ttrasformata f’moll għad-dgħajjes privati tal-Fortina. Din l-attività privata se tiddomina u tniġġes din il-bajja ċkejkna u importanti, kif ukoll toħloq periklu kostanti għall-għawwiema.”

Il-Bajja tal-Balluta b’hekk tispiċċa bħaż-żona tal-Ferries f’Tas-Sliema, fejn l-istess kumpanija ħadet l-ikbar parti tax-xatt għad-dgħajjes privati tagħha.

Dan il-proġett iqajjem ukoll tħassib serju dwar l-impatt ambjentali fuq il-qiegħ tal-baħar u fuq il-kwalità tal-ilma, speċjalment minħabba li l-applikazzjoni qed tiġi ppreżentata biċċa biċċa.

Filwaqt li dan is-servizz ta’ “hop-on hop-off” se jinkludi rotta tul il-kosta u postijiet differenti għall-irmiġġ, l-applikazzjoni li se tiġi diskussa nhar it-Tnejn tikkonċerna biss post ta’ rmiġġ wieħed fil-Balluta.