NGOs inkwetati minħabba inqas spazju fix-xelters tal-homeless

Diversi NGOs li jgħinu persuni li m’għandhomx dar fejn jgħixu jinsabu inkwetati hekk kif ix-xelters tagħhom m’għadhomx jistgħu joperaw bħal qabel kawża tal-pandemija tal-coronavirus. Minħabba dan qed jibżgħu li diversi persuni se jispiċċaw jgħixu bħala “hidden homeless”, jiġifieri jispiċċaw f’akkommodazzjoni mhux sikura.

Fi stqarrija ġie spjegat li minn riċerka kwalitattiva li qed issir fil-Ministeru għall-Akkommodazzjoni Soċjali dwar l-impatt tal-imxija tal-coronavirus fuq il-housing, ħareġ li hemm bżonn li tingħata għajnuna lit-tielet settur. Il-Ministeru daħal fi djalogu ma’ NGOs li jaħdmu fis-settur tal-homelessness u emergency shelters.

Ġie spjegat li l-Ministeru kkonċernat tkellem mal-Platform Against Homelessness, li hija koalizzjoni ġdida tà NGOs immexxija mill-YMCA. Huma rrapportaw li issa beda jinħass sew l-impatt fuq is-servizzi tagħhom. Spjegaw li hemm nies vulnerabbli bħal hidden homeless fost oħrajn li qed jintilfu fis-sistema peress li x-shelters huma magħluqa u l-maġġoranza tal-akkommodazzjoni temporanja hija mimlija wkoll. Min għandu post, dan qed jiġi okkupat għal 14 il-ġurnata ta’ kwarantina.

“Il-bżonn li tinħoloq proċedura ġdida li tkun speċifika għall-NGOs ġiet milqugħa mal-ewwel u b’mod pożittiv min-naħa tas-Supretendent”, qal il-Ministru Roderick Galdes.

Il-Ministeru ħabbar li l-NGOs se jkunu qed jibbenefikaw minn servizz ġdid li se jkun adattat għalihom, inkluż it-trasport għal min ma jkollux karozza u li jingħata slot għal swab test. 

Fil-jiem ġejjin se jkun hemm laqgħa bejn il-Ministeru għal-Akkomodazzjoni Soċjali, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci u l-Platform Against Homelessness,fejn se jiddiskutu aktar fid-dettal il-bżonnijiet speċifiċi ta’ dan il-grupp vulnerabbli.

NGOs li jixtiequ jagħmlu kuntatt jew jixtiequ jkunu inklużi f’dan is-servizz jistgħu jagħmlu kuntatt b’email fuq social.accommodation@gov.mt.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn