NGOs ewlenin ta’ kontra l-korruzzjoni jwieżnu t-talba ta’ Ferris

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili, Occupy Justice, il-Kenniesa u l-Awturi qalu fi stqarrija konġunta li qed jappoġġjw lil Jonathan Ferris fit-talba tiegħu għal status ta’ whistleblower.
Sostnew li jeħtieġ li l-Istat Malti jistabbilixxi bla telf ta’ żmien il-verità sħiħa fir-rigward ta’ kull allegat abbuż, u mhux biss fir-rigward ta’ dawk l-abbużi li l-prosekuzzjoni tagħhom tkun tavvantaġġja l-gvern tal-ġurnata.
L-erba' NGOs jidhrilhom li l-poplu Malti jixraqlu li l-istituzzjonijiet tiegħu tassew joperaw fl-interess tal-ġid komuni u jagħmlu dak kollu meħtieġ sabiex tkun garantita s-saltna tad-dritt f’Malta.
Qalu wkoll li b’dispjaċir innutaw li l-istuzzjonjiet pubbliċi ppermettew li jinħoloq ambjent ta’ impunità fis-snin ta’ qabel l-assasinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u li wara li seħħ dan id-delitt ma wrewx ir-rieda li kienet tixraq sabiex isseħħ ġustizzja sħiħa.
Fl-istqarrija l-NGOs semmew mhux b’ismu lill-Assistent Kummissarju tal-Pulizija, Silvio Valletta, li jiġi r-raġel tal-Ministru Justyne Caruana, meta qalu li żewġ Membru Parlamentari mill-Gvern għadu membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU u jinsab involut direttament fl-investigazzjonijiet tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Temmew jisħqu li dan kollu joħloq kunflitt ta’ interess evidenti u inaċċettabbli f’demokrazija evoluta u jiskoraġġixxi lil min għandu informazzjoni siewja milli jersaq ’il quddiem u joffri l-għajnuna tiegħu lill-awtorijiet pubbliċi sabiex tkun miġġielda l-kriminalità.