Ngħożżu l-ħajja tat-tarbija bħalma għamlet Marija – l-Isqof Galea-Curmi

Ritratti: knisja.mt/ritratti

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li l-Kattoliċi għandhom jgħożżu l-ħajja tat-tarbija sa minn meta tkun fil-ġuf, bħalma għamlet Marija meta sejħilha l-anġlu biex issir omm Alla.

Huwa qal dan waqt l-omelija tal-quddiesa tal-25 ta’ Marzu, il-festa tal-Lunzjata. Skontu, din il-festa u l-ġest simboliku meta n-nies jinżlu għarkupptejhom waqt li jingħad il-Kredu jixhdu l-mument sabiħ meta l-anġlu ħabbar lil Marija li hija kienet issejħet biex tkun omm Ġesù. L-anġlu niżel għarkupptejh f’dak il-waqt għax tnissel Ġesù f’ġuf Marija. Għalhekk, din il-ġrajja bdiet bi tnejn u spiċċat bi tlieta.

It-titular

L-Isqof Galea-Curmi qal li meta ġietu kurżità dwar din it-tradizzjoni, sab ir-risposta fl-anġlu tal-kwadru titulari tal-Lunzjata ta’ Giuseppe Calleja, li juri l-anġlu Gabrijel għarkupptejh quddiem Marija.

Il-vara

Huwa kompla jgħid li l-vara ta’ Salvatore Dimech f’Ħal Balzan turi xena ta’ ftit mumenti qabel ix-xena li hemm fil-pittura. Qal li l-vara toħroġ b’mod espressiv lil Marija bl-anġlu wieqaf quddiemha qed jgħidilha li hi se tnissel fi ħdanha u jkollha iben u ssemmih Ġesù.

Minn tnejn għal tlieta

Kien propju f’dan il-mument, meta Marija aċċettat, li x-xena rrappreżentata fil-vara tinbidel f’dik tal-kwadru.

L-Isqof ġibed l-attenzjoni li l-festa tal-Lunzjata hija l-festa ta’ Marija li ssir Omm, u għalhekk il-festa ta’ Ġesù li tnissel fi ħdanha. Huwa talab lin-nies jinnutaw li din mhijiex il-festa ta’ ftit ċelloli li mbagħad inzertaw żviluppaw f’Ġesù, imma l-festa ta’ Ġesù. Mhijiex il-festa ta’ xi ħaġa ġo Marija li xi darba kellha l-potenzjal li ssir Ġesù, imma ta’ Ġesù li tnissel fi ħdanha. L-anġlu minn bilwieqfa jinżel għarkupptejh biex iqim din il-ħajja ġdida fil-ġuf ta’ Marija.

L-Isqof kompla jgħid li l-messaġġ li tgħaddi Marija f’din il-ġrajja huwa bżonjuż f’Malta tal-lum fejn skontu, jeħtieġ li jkun hawn iżjed kuxjenza dwar l-għożża tal-ħajja.