“Ngħożż il-memorja tiegħu bħal teżor” – Mons. Alfred Xuereb

Mons. Arċisqof Alfred Xuereb qal li jgħożż il-konoxxenza li għamel mal-mibki Kardinal Prospero Grech bħal teżor.

In-Nunzju Appostoliku għall-Korea u l-Mongolja qal dan fil-messaġġ qasir tiegħu li nqara waqt is-sagrifiċċju tal-quddiesa li saret għal ruħu xahar mill-mewt tiegħu fid-Dar tal-Providenza. Għall-quddiesa attendew il-qraba tal-Kardinal u r-residenti tad-Dar. Il-quddiesa kienet konċelebrata minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza u Fr Lino Cardona SJ.

Xuereb qal li japprezza li ngħata ċans jagħmel l-aħħar tislima lil persuna speċjali “li għamlet ġieħ lill-Knisja ta’ Kristu u lil Malta.” Huwa ddeskrivieh bħala reliġjuż ferrieħi, li għażel li jħalli kollox warajh biex jimxi wara Ġesù. “L-umoriżmu raffinat tiegħu kien xhieda ċara tal-għaqda li żamm ma’ Alla u tal-fedeltà għall-wegħdiet li għamel meta daħal fl-Ordni Agostinjan,” qal in-Nunzju.

Żied jgħid li eluf ta’ studenti li segwew il-korsijiet tiegħu bbenefikaw minn dak li kellu x’joffri, l-istess qal li għamlu l-patrijiet li kien jgħix magħhom, il-parruċċani ta’ Sant’Anna bil-meditazzjonijiet li kien joffri fir-Randan, is-Santa Sede bil-kollaborazzjoni tiegħu, u l-għaqdiet kollha li kien involut fihom.

Mons. Xuereb temm jgħid, “Meta l-Mulej sejjaħlu biex jagħtih il-premju mistħoqq, qalbna mtliet bid-diqa għax tlifna ħabib li kien għaniena bil-kwalitajiet sbieħ tiegħu. Nistħajlu qed jittawwal mis-Sema lejn il-poplu ta’ Malta u ta’ Għawdex, u jħeġġeġ lilna llkoll biex nagħmlu l-qalb għax issa nistgħu nibbenefikaw mit-talb ta’ interċessjoni tiegħu lil Alla biex inżommu sħaħ fil-fidi u nibgħu poplu magħqud fl-imħabba tal-aħwa.”

Il-Kardinal Prospero Grech miet fit-30 ta’ Diċembru, wara li f’lejlet il-Milied kien għadu kif għalaq 94 sena. Bħal ommu Amelia u missieru Vincent, li kienu benefatturi tad-Dar tal-Providenza, huwa kellu ħafna għal qalbu lid-Dar tas-Siġġiewi u għamel żewġ żjarat kemm kien ilu Kardinal.