“Ngħixu f’pajjiż fgat għax il-Gvern bla pjan għall-ambjent” – Delia

Adrian Delia qal li Malta kisbet l-agħar riżultati fir-rapport dwar l-Istat tal-Ambjent għax il-Gvern m’għandux pjan ambjentali sostenibbli. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dawn ir-riżultati jikkonfermaw dak li l-Partit Nazzjonalista u esperti oħrajn ilhom jgħidu fuq il-pjanijiet tal-Gvern għall-ambjent.

Dan qalu waqt żjara fil-park tan-Nature Trust fi Xrobb l-Għaġin f’Marsaxlokk, fejn qalb id-diskussjoni kien hemm il-proposti tal-PN għall-ħarsien ambjentali, li segwew il-konklużjonijiet tar-Rapport dwar l-Istat tal-Ambjent. Flimkien ma’ Delia, attendew il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio, u l-kandidati għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali John Baptist Camilleri u Amanda Abela.

Il-PN bi proposti favur l-ambjent; fosthom involviment tal-komunità

Delia kompla jgħid li l-mudell ekonomiku tal-Gvern Laburista li jkabbar il-popolazzjoni bla pjan qed iħalli effett negattiv fuq bosta setturi, speċjalment fl-ambjent.

Matul din iż-żjara ġew diskussi bosta temi ambjentali fosthom l-ħtiġijiet soċjali u ekonomiċi, l-iżvilupp, l-iskart tal-kostruzzjoni, il-produzzjoni tal-iskart u l-kwalità tal-arja.

Fi stqarrija mibgħuta mill-Partit Nazzjonalista, huwa fakkar li l-kamra tal-aħbarijiet Euronews kienet iddeskriviet lil Malta bħala “the dirty man of Europe“, u li l-aħħar statistika turi kif pajjiżna jinsab l-agħar fl-Ewropa fir-riċikaġġ̇ tal-iskart u r-raba’ l-agħar fl-Ewropa fil-kwalità tal-arja, apparti ż-żieda qawwija fin-numru tal-karozzi fit-toroq.

Il-Partit Nazzjonalista qal li beħsiebu jħabbar aktar proposti konkreti dwar l-iżvilupp tal-art, it-trasport, it-tniġġis u l-immaniġġjar tal-iskart fil-ġimgħat li ġejjin.