“Ngħixu f’kultura li taħbi l-faqar” l-Isqof Mario Grech

F’Malta hawn kultura ta’ ħabi mill-faqar, kultura ta’ gidba li tipprova tinnega r-realtà li tgħix fiha iktar minn 15 fil-mija tal-popolazzjoni. Waqt l-omelija fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Bambina fix-Xagħra Għawdex, l-Isqof Mario Grech sejjaħ lill-dawk li qed jgħixu f’sitwazzjoni ta’ faqar bħala l-profeti ta’ llum.

Waqt l-Omelija fix-Xagħra fl-okkażjoni tal-Festa titulari, l-Isqof Mario Grech qal li hija ħasra li l-poplu qed jgħix f’gidba, f’kultura fejn il-faqar jiġi moħbi jew innegat. L-Isqof Grech qal li hija sfortuna ikbar li llum aktar jagħmel ħoss jekk xi ħadd fqir jisraq xi ħaġa tal-ikel jew ma jħallasx it-taxxa jew jasal fil-pajjiż bla dokumenti milli wieħed jagħti każ it-tbatija ta’ dawn l-individwi. Semma kif is-soċjetà ta’ llum tosserva lill-fqir meta tinkiser xi liġi bħallikieku l-istess faqar sar delitt.

L-Isqof Grech għamel referenza għal studji riċenti li juru li 15.5% tal-popolazzjoni fil-Gżejjer Maltin qegħdin jgħixu taħt il-linja tal-faqar u tenna l-appell li l-Caritas kienet għamlet sena ilu sabiex tiżdied il-paga minima. Qal li anke min jaħdem, jista’ jsib ruħu f’riskju ta’ faqar.

Fil-messaġġ tiegħu, l-Isqof Mario Grech semma kif ir-responsabbiltà tal-faqar għandha tiġi merfugħa minn min jinsab komdu, minn dawk li għandhom il-mezzi u jżommuhom għalihom, għalhiex fi kliemu dawn ikunu qed jisirqu mill-ġid komuni. Tenna kif dawk li għandhom il-ponn ta’ jdejhom magħluq għandhom għalfejn jistħu.

Mons. Grech wassal messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk li qed ibatu l-faqar u qal li Alla jinqeda bil-faqar sabiex juri min huma l-veri profeti f’dinja materjalista, bil-għan li jwassal lis-soċjetà tagħraf dak li hu verament meħtieġ għall-ħajja.