Ngħix solidarjetà konkreta – l-Arċisqof

“Naf familji li jsibuha diffiċli biex ilaħqu bil-paga għax hija ċjekna. Nappella li l-ġid jitqassam bil-ġustizzja u ngħinu lill-batut. Aħna irridu nagħmlu ħilitna biex is-solidarjeta bejnietna tkun ħajja u konkreta.”

Hekk qal l-Arċisqof Charles Scicluna waqt l-omelija f’quddiesa  għall-familji organizzata mill-Grupp Familji Nsara. Il-Quddiesa saret illum is-Sibt fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt.

L-Arċisqof beda l-omelija tiegħu billi qal li waqt żjara riċenti fl-Albanija ra ikoni antiku ta’ Ġwanni l-Battista impinġi bil-ġwienaħ. Dan jagħmluh, qal l-Arċisqof  għax kif smajna fil-Vanġelu tallum Ġwanni kien ixandar il-bxara t-tajba u għalhekk nistgħu insejħulu evanġelista.

Mons Scicluna kompla jgħid illi l-aħbar it-tajba li jwassal Ġwanni l-Battista hija konkreta. Huwa ippriedka magħmudija tal-indiema li twassal lil dak li jkun isaqsi mistoqsija konkreta: Mgħallem x’għandna nagħmlu.

“Aħna irridu nwasslu ħajjitna għall-deċiżjonijiet konkreti. Il-ħajja fil-familja tibda b’kelma konkreta. L- ‘iva irrid’ li tingħad fil-bidu taż-żwieġ hija sinjal tal-imħabba li trid tissarraf matul il-ħajja.”

L-Arċisqof kompla jgħid li Ġwanni jurina kif irridu naqsmu ħajjitma ma’ l-oħrajn. Il-qsim tal-ilbies u l-ikel li semma Ġwanni fis-silta tal-Vanġelu tallum tgħodd għall-ħajja tal-familja għax mingħand il-ġenituri nirċievu l-ilbies u l-ikel, qal l-Arċisqof li stiened biex l-imħabba li tibda fil-familja tinxtered għall-oħrajn barra l-familja. Huwa spjega li fil-barka tat-tieġ dan l-element joħroġ ħafna; jiġifieri li wieħed jaqsam li jkollu mhux biss mal-membri tal-familja iżda mal-ħbieb, ġirien u membri tas-soċjeta.

L-Arċisqof qal ukoll li San Luqa fl-Evanġelju tallum jagħtina wkoll id-dettalji tal-laqgħa ta’ Ġwanni l-Battista mal-pubblikani u mas-suldati. Lill-pubblikani jgħidilhom biex ma jieħdux taxxi aktar milli għandhom jieħdu, dan ifisser li jimxu bil-ġustizzja u  lis-suldati jgħidilhom biex ma jisirqux. Dan, qal l-Arċisqof jgħodd għal-lum ukoll meta huwa meħtieġ li nimxu bil-ġustizzja li tħallina ngawdu l-paċi ta’ qalbna jekk inkunu kuntenti li għandna.

Fl-aħħar tal-omelija tiegħu l-Arċisqof semma li fil-bidu ta’ Diċembru għammed żewġt adulti minn pajjiż fejn Ġesu mhux tant magħruf. Semma li l-imgħamdin qaluli li saru insara għax sabu insara jgħinuhom ħlewwa u imġabba.