Ngħinu lil min għandu problema mhux lil min irid iħaxxen butu bid-drogi – Il-Maġistrat Mifsud

Read in English.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li s-soċjetà għandha tgħin lil min ikollu problema bid-droga u mhux lil dawk li jridu iħaxxnu l-but tagħhom billi jbigħuha.

Illum tressqu tliet persuni l-Qorti akkużati b’reati differenti quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud. Filwaqt li hemm ċertu maġistrati li jmorru dritt għall-punt waqt is-seduta, mhux l-ewwel darba li Mifsud iwassal xi messaġġ lil min jitressaq taħt arrest quddiemu, lis-soċjetà in ġenerali, jew lil dawk li jagħmlu l-liġijiet. Mifsud għamel kummenti dwar temi differenti fis-seduti tal-lum.

‘Nitlob għad-Direttur tal-Ħabs kull filgħodu’

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li jitlob għad-Direttur Ġenerali tal-Ħabs LT Col Alexander Dalli Ret’d kull filgħodu. Faħħru talli daħħal id-dixxiplina fil-ħabs.

“Id-dixxiplina qatt ma qatlet nies. Id-droga toqtol lin-nies,” irrimarka Mifsud.

Kompla javża dwar il-perikli tal-legalizzazzjoni tad-drogi. Qal li min qed jimbotta biex id-droga tiġi legalizzata “ma jafx x’qed jgħid.” Fakkar li d-dinja ċċelebrat il-Jum Dinji ta’ Kontra d-Droga fis-26 ta’ Ġunju.

‘Il-programm tal-Caritas programm ta’ veru”

Il-Maġistrat sellem lil dawk l-organizzazzjonijiet f’Malta li qed jistinkaw biex jgħinu lil min ikun waqa’ fil-vizzju tad-droga. Semma’ l-programmi li joffru l-Caritas, l-OASI, is-Sedqa u żied jgħid li issa anke il-Fondazzjoni Richmond qed tagħmel xogħol f’dan il-qasam.

Faħħar b’mod partikolari lill-programm residenzjali tal-Caritas li ddeskrivih bħala “Rolls-Royce” u “programm ta’ veru”.

Qal li f’dawn il-programmi jkunu daħlu ċertu nies b’fama ħażina madwar Malta li ħadd ma jkun jemmen fihom u jispiċċaw ħerġin minn hemm mexjin fit-triq it-tajba. Tkellem dwar kif il-programmi jgħinu lil dak li jkun jerġa’ jsir parti mis-soċjetà u mhux li sempliċiment jeħles mill-vizzju tad-droga. Kompla jgħid li dawn il-programmi jkunu jinvolvu dixxiplina fejn ħin ifisser ħin. Jekk per eżempju t-timetable tar-residenti tgħid li dawn iridu jqumu fis-6.30am, dak il-ħin ikollhom iqumu.

Mifsud appella biex il-ħidma ta’ dawn l-għaqdiet ma titappanx b’dawk “il-ftit li qed jagħmlu ħafna pressjoni biex tkun legalizzata d-droga.” Tkellem dwar kif min ikollu problema għandu jingħata l-għajnuna u min ikun inqabad b’pussess sempliċi m’għandux jintefa’ l-ħabs.

“Lil min għandu problema ngħinuh imma lil min qed iħaxxen butu u jiftaħ il-kaptelli taċ-ċimiterji biex nidfnu lin-nies ma nċedux għalih,” saħaq Mifsud. Appella lin-nies biex ma jaqgħux għall-pressjoni ta’ xi ħadd li jikteb xi artiklu jew xi ħadd li jattakka lill-President jew lil xi ġudikant.

Mifsud qal li ċertu prinċipji ma jinbidlux. Fakkar li huwa jemmen li n-nies għandhom jipproteġu l-ħajja mill-konċepiment sal-mewt. Qal li meta wieħed iħalli lil ħaddieħor jieħu l-velenu li huwa d-droga, dak ma jkunx qed jipproteġi l-ħajja.

Mifsud għamel ukoll kummenti dwar il-protezzjoni tan-nisa f’każ fejn raġel ta’ 38 sena tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat li mess żagħżugħa ta’ 15-il sena mingħajr il-kunsens tagħha. Il-Maġistrat Mifsud saħaq li dan huwa reat serju u li ma tagħmilx differenza jekk ikunx sar fuq mara jew raġel jew xi persuna oħra li ma tidenfika ma ebda ġeneru.

Dwar il-ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest Mifsud qal li l-liġi ma tagħmilx differenza bejn min jittardja b’minuta jew għaxra. Qal li hemm qrati li kultant jimpressjonaw ruħhom bit-trazzjonijiet li jsiru quddiemha u minħabba l-liġi jingħata l-ħelsien mill-arrest. Però saħaq li meta jiġri hekk ikun hemm periklu li l-Qorti bħal qisha qed tagħti liċenzja lill-akkużat li jista’ jibqa fil-vizzju tad-droga.

Mifsud qal li personalment hu jibqa’ bil-ġurament li kien ħa meta sar Maġistrat li l-kawżi jaqtagħhom abbażi tal-provi u dokumenti li jkollu quddiemu u mhux skont x’jgħidu “l-ġurijiet barra” u “l-gazzetti”.

Saħaq li jekk il-Qorti toħroġ ordni din trid tiġi obduta mill-bidu sat-tmiem. Qal li jekk ma jsirx hekk ikun hemm ir-riskju li l-Qorti tiġi bħal karta strazza li tintrema’ malajr u ma tkunx ta’ valur. Saħaq li huwa favur li jekk tinkiser xi kundizzjoni ta’ ħelsien mill-arrest ikun hemm xi tip ta’ konsegwenza.

Sellem lill-prosekuzzjoni li kellha tidħol il-Qorti llum il-Ħadd minflok tqatta’ l-ħin mal-familja. Sellem ukoll lill-ġurnalisti minn tliet kmamar tal-aħbarijiet li kienu preżenti.

F’seduta minnhom illum l-avukat Martin Fenech xtaq javviċina lill-Maġistrat flimkien mal-prosekuzzjoni biex jiddiskutu każ li kellhom quddiemhom. Mifsud qal li l-Qorti hija miftuħa għall-pubbliku u dak li xtaq jgħidlu f’widnejh Dr Fenech, l-avukat seta’ jgħidu fil-beraħ quddiem il-ġurnalisti.

Il-kawżi tal-lum

Raġel residenti Birżebbuġa laqqat multa ta’ €300 wara li ammetta li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu. Qal li ma ndunax bil-ħin għax skontu waqaflu l-arloġġ.

Raġel ta’ 27 sena tressaq il-Qorti taħt arrest wara li allegatament ipprova jisraq id-drogi mil-laboratorji tal-Università ta’ Malta.