Ngħidu mill-ewwel meta jkollna każ tal-coronavirus – Charmaine Gauci

Read in English.

Prof. Charmaine Gauci qalet li mal-ewwel każ dwar il-coronavirus, il-pubbliku se jiġi mgħarraf mill-ewwel. Meta kienet qed titkellem fuq il-programm tal-103 FM The Newsbook Hour ma’ Fr. Joe Borg, Prof. Gauci tat garanzija li mal-ewwel każ tal-coronavirus, l-awtoritajiet tas-saħħa se javżaw mill-ewwel.

“Kulħadd qed jagħmel li jista’ f’dawn iċ-ċirkostanzi u rridu l-koperazzjoni tal-pubbliku. Aħna dejjem konna trasparenti mal-mezzi tax-xandir u pubbliku in ġenerali u hekk se nibqgħu. Barra minn hekk għandna obbligu internazzjonali mal-international health regulations kif ukoll mal-Unjoni Ewropea li rridu nirrapportaw kull każ,” saħqet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

“Tista’ tiġri anytime, mhix sitwazzjoni ipotetika, bħalissa hemm xi każijiet li qed nistennew ir-riżultat tagħhom wara li għamilnilhom testijiet ilbieraħ. Kien hemm 30 ruħ li għamlu t-test u kollha rriżultaw negattivi,” qalet Prof. Gauci.

Hi qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa ma jistgħux jobbligaw lin-nies biex joqogħdu fi kwarantina u joqgħod fuq ir-responsabbilità soċjali tal-persuni li jfakkru fil-persuni l-oħra u jieħdu ħsieb qrabathom billi jibqgħu d-dar.

Prof. Gauci qalet li l-helpline dwar il-coronavirus qed jaħdem madwar l-arloġġ 24 siegħa kuljum u fl-aħħar jumejn kellhom 3,700 telefonata.

Xjentisti mill-John Hopkins University qed ikomplu jaġġornaw il-mappa live dwar il-coronavirus madwar id-dinja inkluż fl-Ewropa. Il-mappa qed turi li hemm każijiet fl-Ażerbajġan, fl-Estonia, f’Belarus, f’Monaco, fil-Maċedonja ta’ Fuq, fid-Danimarka, fil-Belġju, u fil-Greċja fost pajjiżi oħra.