Ngħallmuhom iżda ma jiftakru kważi xejn – L-Isqof Grech

Ray Grech

“Jien nitħasseb quddiem il-ġenerazzjonijiet li telgħin, għax minkejja li noffrulhom it-tagħlim tar-reliġjon Nisranija fl-iskejjel u jkunu għamlu l-katekiżmu li jwassalhom għall-Ewwel Tqarbina u għall-Griżma tal-Isqof, f’dik li hija fidi fi Kristu qishom tabula rasa – ma jiftakru kważi xejn!”

Dan kien messaġġ li l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech għadda fl-omelija tiegħu fl-okkażjoni tas-Sollennità tat-Tħabbira tal-Mulej.

“Omm il-memorja”

L-Isqof Mario Grech tkellem dwar kif Marija hija “Omm il-memorja” li tfakkarna f’dak li Alla għamel magħna fl-istorja tagħna bħala poplu u anki fil-ħajja personali.

L-Isqof ta’ Għawdex kien qed jiċċelebra fil-Kappella tal-Wied tal-Lunzjata fil-Belt Victoria. Hu saħaq li “meta l-bniedem jitlef il-memorja, huwa jkun qaċċat l-għeruq tal-identità tiegħu”.

Wera t-tħassib tiegħu quddiem il-ġenerazzjonijiet li telgħin, “għax minkejja li noffrulhom it-tagħlim tar-reliġjon Nisranija fl-iskejjel u jkunu għamlu l-katekiżmu… f’dik li hija fidi fi Kristu ma jiftakru kważi xejn!”.

“Ftit juru interess”

L-Isqof ilmenta li ftit huma dawk li llum juru interess fl-istorja tas-salvazzjoni “li hija d-damma tal-ġrajjiet ta’ meta Alla kixef lilu nnifsu mal-umanità”. “Jekk ‘tħassret’ il-memorja, ma nistgħux nistennew li nibnu l-ġejjieni”, kompla l-Isqof.

F’dan, huwa fakkar, tista’ tgħinna ħafna “l-memorja ta’ Marija”, għax f’nofs poplu li nesa l-patt ta’ Alla miegħu, hi kienet fost dawk li “baqgħu jindukraw u jgħożżu f’qalbhom il-wegħdiet li kien għamlilhom Alla”, u “bl-iva tagħha tilqa’ l-Kelma li saret laħam f’ġufha”. Għalhekk, il-Kelma ta’ Alla mxandra f’liturġija awtentika, kif kienet għal Marija, “tfakkarna dak li Ġesù għallem u għamel, ħalli hekk ħajjitna tkun tifkira li tikkomunika l-imħabba ta’ Alla”.

L-Isqof appella biex wieħed jirrikorri għand Marija li hija l-memorja tal-Knisja. Meta wieħed jersaq għand Marija jiftakar f’dak li Ġesù għallem u għamel u b’hekk il-ħajja tkun tifkira li tikkomunika l-imħabba ta’ Alla, qal l-Isqof Grech.