Neymar jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-eliminazzjoni

L-istilla Brażiljana ta’ Paris St Germain Neymar tkellem fuq il-profil tiegħu ta’ Twitter fejn ta l-opinjoni tiegħu wara l-eliminazzjoni tat-tim tiegħu mill-UEFA Champions League għas-spejjeż ta’ Real Madrid. Huwa kien diżappuntat bit-telfa ta’ 2-1 f’darhom kontra l-Merengues u d-diżappunt tiegħu kiber għax ma setax jgħin lit-tim tiegħu jaqleb it-telfa ta’ 3-1 illi ġarrbu fis-Santiago Bernabeu.
Min-naħa l-oħra, il-plejer illi sewa aktar minn 200 miljun ewro, saħaq illi jinsab kburi bil-kollegi tiegħu illi taw dak kollu li jafu sabiex iġibu riżultat tajjeb.
Minkejja din id-dikjarazzjoni kienu diversi l-protesti mill-partitarji Franċiżi illi dehru ferm irrabjati kif tim illi jiswa l-miljuni kellu jbaxxi rasu għal Real Madrid sabiex għal darb’oħra kellhom jinqalgħu minn din il-kompetizzjoni id f’idhom.