​Newsbook u RTK finalisti fi 3 kategoriji

Żewġ ġurnalisti ta’ Newsbook.com.mt u RTK 103FM jinsabu fost il-finalisti tat-28 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards, imtellgħa mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM).
George Cremona u Ian Noel Pace kklassifikaw finalisti fi tliet kategoriji differenti. 
Ian Noel Pace huwa finalist fil-kategoriji tal-Ġurnaliżmu Elettroniku u tal-Ġurnaliżmu Fotografiku.
George Cremona huwa finalist fil-kategorija tal-Ġurnaliżmu fix-Xandir għar-Radju.
Is-56 finalist, magħżula minn 90 li oriġinarjament issottomettew ix-xogħol ġurnalistiku tagħhom, tħabbru fis-serata tal-bieraħ.
L-avveniment ewlieni fejn jitħabbru r-rebbieħa se jsir is-Sibt 5 ta’ Mejju fil-lukanda The Palace f’Tas-Sliema.
“Il-ġurnalist għandu jiġi rispettat iktar, imma jagħmel xogħlu bi prudenza”
Fid-diskors tagħha, l-Aġent Ċerpersin tal-IĠM Norma Saliba rrimarkat li x-xogħol ta’ ġurnalist kultant mhux apprezzat biżżejjed. Semmiet kif kemm-il darba sar aċċenn mill-IĠM stess, li l-ġurnalist għandu jiġi rispettat iktar għall-impenn tiegħu biex jirrapporta, jistaqsi u jinvestiga dak li jkun għaddej.
Saliba semmiet kif l-IĠM qed jistenna wkoll id-dħul fis-seħħ mill-iktar fis possibbli tal-liġi dwar il-midja u l-malafama, li waslet fi stadju ta’ kumitat.
Appellat lid-deputati taż-żewġ naħat tal-kamra biex sa qabel il-btajjel tas-sajf jgħaddu din il-liġi, għal iktar protezzjoni tal-ġurnalist, biex iwettaq xogħlu mingħajr biża’.
“Ma nixtieqx li ġurnalist ma jkunx protett biżżejjed mit-theddid, aggressjonijiet verbali jew ġieli anke fiżiċi, u saħansitra jirriskja li jitlef ħajtu għax kien qed jagħmel xogħlu”, żiedet tgħid.
Norma Saliba appellat ukoll lill-ġurnalisti biex jagħmlu xogħolhom bi prudenza u responsabbiltà.
Ara l-lista hawn sħiħa tal-finalisti hawn taħt.