Newsbook u 103 bi programmi ġodda minħabba l-coronavirus

An airport worker uses hand sanitizer at the international terminal at LAX airport in Los Angeles
REUTERS/Lucy Nicholson

Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart se jibdew ixandru programmi ġodda reliġjużi waqt li jkomplu bis-servizz sħiħ ta’ programmi u rapporti fuq l-epidemija. Fl-istess waqt Beacon Media Group, il-kumpanija li tmexxi dawn il-media tal-Knisja, ħabbret prattiċi ġodda ta’ xogħol bl-għan li jitnaqqas il-periklu ta’ tixrid tal-coronavirus.

Programmi ġodda reliġjużi

Newsbook.com.mt se jagħti l-akbar prominenza possibbli lis-servizzi reliġjużi li bdew jiġu organizzati mill-Arċidjoċesi.

Illum il-qarrejja ta’ Newsbook jistgħu jsegwu l-quddiesa li se tixxandar mid-Dar tal-Providenza fil-11.00a.m. Waqt din il-quddiesa se jkun hemm servizz bil-lingwa tas-sinjali.Il-quddiesa tibqa’ fuq il-websajt sal-għada t-Tnejn fid-9.30am meta fuq Newsbook.com.mt tixxandar il-quddies li se jiċċelebra Mons. Arċisqof Charles Scicluna mill-Kappella tal-Kurja. Din il-quddiesa se tibda tixxandar kuljum f’dak il-ħin.

Minn nhar it-Tnejn fit-3pm mill-Knisja Parrokkjali tal-Isla, Newsbook.com.mt se jibda jxandar kuljum il-Kurunella tal-Ħniena Divina u anke eżerċizzi. Imbagħad fil-5.30pm ixandar ir-rużarju mmexxi mill-Arċisqof Scicluna mill-Kappella tal-Kurja.

Dan l-istess rużarju jixxandar kuljum fis-7pm fuq 103 Malta’s Heart. Wara r-rużarju fuq 103 Malta’s Heart ikun hemm xandira tal-quddiesa.

Programmi informattivi

Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart se jibqgħu regolarment ixandru l-aħħar aħbarijiet dwar l-epidemija tal-coronavirus. Se jibqgħu jixxandru wkoll il-konferenzi tal-aħbarijiet magħmula mill-awtoritajiet ċivili.

Prattiċi ta’ xogħol

Beacon Media Group li jmexxi Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart b’mod voluntarju daħħal sistemi ta’ xogħol bl-għan li dejjem jonqos il-periklu li jinxtered il-coronavirus. Il-biċċa l-kbira tal-impjegati se jibdew jaħdmu mid-dar. Fl-istazzjon u fin-newsroom se jibqgħu biss l-impjegati essenzjali li ma jistgħux jagħmlu xogħol mid-dar. Dan qed isir biex waqt li jonqos il-periklu ta’ tixrid tal-coronavirus ikun hemm l-aqwa u l-aħjar servizz possibbli lill-eluf ta’ qarrejja ta’ Newsbook u semmiegħa ta’ 103 Malta’s Heart.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn