Newsbook: Niżżel l-app il-ġdida, anke fuq Android

Newsbook.com.mt nieda verżjoni aġġornata tal-app għall-mowbajls Android b’dehra ġdida u b’aktar funzjonijiet għall-qarrejja. Dan l-investiment sar ftit ġimgħat wara li ġiet imnedija l-app għall-iPhones.

Il-biċċa l-kbira tal-funzjonijiet il-ġodda fl-app jikkumplimentaw is-sit il-ġdid tal-aħbarijiet li issa qed joffri servizz kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.

Permezz tal-verżjoni l-ġdida tal-app, wieħed jista’ jsib il-funzjonijiet kollha li hemm fuq is-sit Newsbook.com.mt, inkluż li tirreġistra u tagħżel dak li jogħġbok l-aktar fis-sezzjoni tal-MyNews. Dan jieħu ftit sekondi iżda jekk tagħmel hekk, kull meta tidħol fl-app, tibda tara l-paġna ddisinjata għalik skont il-preferenzi li tkun għażilt. Għalhekk tiskantax jekk inti u min ikun ħdejk, taraw faċċata differenti.

Jekk diġa niżżilt l-app ta’ Newsbook, se tkompli tirċievi notifika bl-aħbarijiet l-aktar jaħarqu u dawk li jkunu għadhom qed jiżviluppaw.

Fl-app qed nużaw ukoll il-potenzjal tal-intelliġenza artifiċjali. Biċ-chatbot li jaħdem fuq il-Messenger app ta’ Facebook, inti tista’ tidħol fi djalogu ma’ dan ir-robot u tistaqsieh li trid fuq l-aħbarijiet u huwa jwieġbek. Fittex l-icon tal-Messenger fuq l-app.

Kuljum tista’ tara l-faċċati tal-gazzetti lokali u dalwaqt se tkun tista’ tara l-faċċati ta’ wħud mill-gazzetti barranin.

Aktar kmieni dan ix-xahar, ġiet imnedija l-app għall-iPhones.

L-app ta’ Newsbook.com.mt kienet l-ewwel tax-xorta tagħha fil-gżejjer Maltin fl-2012 b’aħbarijiet lokali, internazzjonali u dawk minn madwar il-ħajja.

L-utenti tal-Android jistgħu jew jniżżlu l-app mill-ġdid jew inkella kemm jaġġornaw l-app eżistenti mill-Google Play billi wieħed jagħfas “Update”, filwaqt li dawk bl-iPhones jistgħu jagħmlu dan permezz tal-App Store.