Newsbook.com.mt nieda verżjoni aġġornata tal-app għall-iPhones b’dehra ġdida, b’aktar funzjonijiet għall-qarrejja mill-mowbajl.
Il-biċċa l-kbira tal-funzjonijiet il-ġodda fl-app se jikkumplimentaw is-sit il-ġdid tal-aħbarijiet li issa qed joffri servizz kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.
Permezz tal-verżjoni l-ġdida tal-app, wieħed jista’ jsib il-funzjonijiet kollha li hemm fuq is-sit Newsbook.com.mt, inkluż li tirreġistra u tagħżel dak li jogħġbok l-aktar. Dan jieħu ftit sekondi iżda jekk tagħmel hekk, kull meta tidħol fl-app, tibda tara l-paġna ddisinjata għalik skont il-preferenzi li tkun għażilt. Għalhekk tiskantax jekk inti u min ikun ħdejk, taraw faċċata differenti.
Se tkompli tirċievi notifika bl-aħbarijiet l-aktar jaħarqu u dawk li jkunu għadhom qed jiżviluppaw.
Fl-app qed nużaw ukoll il-potenzjal tal-intelliġenza artifiċjali. Biċ-chatbot li jaħdem fuq il-Messanger app ta’ Facebook, inti tista’ tidħol fi djalogu ma’ dan ir-robot u tistaqsieh li trid fuq l-aħbarijiet u huwa jwieġbek.
Kuljum tista’ tara l-faċċati tal-gazzetti lokali u dalwaqt se tkun tista’ tara l-faċċati ta’ wħud mill-gazzetti barranin.
Qed nintegraw ukoll is-servizz tar-radju RTK 103FM biex mill-app il-ġdida ntejbu s-servizz tal-online radio b’uħud mill-programmi jiġi mxandrin ukoll bil-filmati.
L-app ta’ Newsbook.com.mt kienet l-ewwel tax-xorta tagħha fil-gżejjer Maltin fl-2012 b’aħbarijiet lokali, internazzjonali u dawk minn madwar il-ħajja.
L-utenti tal-iOS jistgħu jew jniżżlu l-app mill-ġdid jew inkella kemm jaġġornaw l-app eżistenti mill-App Store billi wieħed jagħfas “Update”.