Newsbook jiġbed l-attenzjoni, l-għada tittieħed azzjoni f’Ħondoq

Wara biss ġurnata li Newsbook.com.mt irrapporta dwar l-istat tal-latrina pubblika f’Ħondoq ir-Rummien, bdew isiru x-xogħlijiet fuqha.
Newsbook.com.mt hu infurmat li x-xogħol ta’ manutenzjoni beda t-Tlieta filgħodu.
Fil-jiem li għaddew, persuni li jiffrekwentaw il-bajja ta' Ħondoq ir-Rummien, fil-limiti tal-Qala, qalu li hemm bżonn ta' ndafa kontinwa u ristrutturar tal-latrina pubblika. Qalu li għandhom jiġu nstallati xawers ukoll.
Għat-tweġibiet ta' Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru għal Għawdex qalet li din il-latrina hija qadima ħafna. Żiedet tgħid li l-Kunsill Lokali tal-Qala għandu ħaddiem li qed inaddaf din il-latrina darbtejn kuljum, filgħodu u filgħaxija. 
Il-kelliema għall-Ministeru qalet ukoll li minkejja li din mhix proprjetà tal-Kunsill, din il-ġimgħa se jkun qed jagħmel xogħol ta' tibjid u manutenzjoni f'din il-latrina pubblika, biex tkun ta' servizz aħjar għal kull min iżur il-bajja. 
Ritratti fuq: info@newsbook.com.mt