Newsbook Webinar: Niddiskutu l-ekonomija wara l-Covid-19

Read in English.

Hekk kif Malta flimkien mal-kumplament tal-Ewropa qed tibda tieħu l-ewwel passi biex toħroġ mill-morsa tal-pandemija tal-coronavirus, il-lenti issa mhix aktar iffukata esklussivament fuq is-saħħa iżda qed tinkludi wkoll l-aspett ekonomiku. L-imxija tal-COVID-19 qed titqies bħala punt kruċjali ta’ żvilupp hekk kif ekonomisti, politiċi u akkademiċi qed ibassru stili ta’ ħajja radikalment differenti waqt li s-soċjetajiet qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jaddattaw.

Newsbook.com.mt huwa kburi li qed jagħmel il-parti tiegħu biex jikkontribwixxi għall-qawmien ekonomiku mġedded permezz ta’ webinar dwar “The Post-Covid World” (Id-Dinja wara COVID-19, Dan il-webinar huwa maħsub għal dawk li jmexxu setturi importanti fis-soċjetà kif ukoll għal dawk fl-industrija u l-kummerċ. Permezz ta’ dan il-webinar ikunu jistgħu jaslu huma stess għal SWOT analysis, kemm tal-kumpaniji tagħhom kif ukoll għall-pożizzjoni tal-pajjiż.

Fost affarijiet oħra, il-webinar se jiddiskuti:

  • Se jinbidel il-mod kif isir il-kummerċ?
  • Se nimxu lil hinn minn ħidma tradizzjonali u aktar lejn kummerċ flessibbli?
  • Kif addattaw irwieħhom il-banek u d-dinja tal-finanzi?
  • Kif se jkunu affettwati l-ħaddiema?
  • X’se jkun ir-rwol tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni diġitali?
  • L-edukazzjoni se tlaħħaq ma’ din il-bidla kollha?
  • L-iżvilupp se jkompli jinfirex jew se naraw kif nistgħu niżviluppaw mill-ġdid?

Biex jiddiskutu dawn is-suġġetti se jattendu l-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, il-Ministru Edward Scicluna u l-kelliem tal-Oppożizzjoni Mario de Marco. L-industrija u s-soċjetà se jkunu rrappreżentati fost l-oħrajn minn Claire Xuereb minn AX Group, David Xuereb tal-Kamra tal-Kummerċ, Philip Fenech tal-Malta Chamber for SMEs, Silvio Debono minn Idea Malta u t-trejd unjonista Josef Bugeja. Se jipparteċipaw ukoll diversi akkademiċi.

Biex tattendi huwa rrakkommandat li tibbukkja u tirreġistra bla ħlas fuq petra@newsbook.com.mt jew 99460380.