Newsbook fit-tielet post fost is-siti tal-aħbarijiet

Newsbook.com.mt huwa t-tielet l-ikbar sit tal-aħbarijiet f’Malta, b’udjenza akbar minn qatt qabel. Dan hu kkonfermat minn Alexa.com li tikklassifika s-siti elettroniċi wara xulxin.

Sylvana Debono, l-Editriċi Ġenerali ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet, irreaġixxiet għal dan ir-riżultat u rringrazzjat lill-qarrejja ta’ dan is-sapport u lill-ġurnalisti tal-istejjer li investigaw u rrappurtaw.

Żieda ta’ 15%

Skont il-klassifika ta’ Alexa.com, l-udjenzi ta’ Newsbookhuma ikbar minn dawk ta’ Malta Today, Lovin’ Malta, The Malta Independent, NET, iNews u ONE. Is-suċċess ta’ Newsbook jista’ jiġi attribwit lill-bilingwiżmu fuq is-sit, li għandu varjetà ta’ stejjer investigattivi, kif ukoll stejjer umani, stejjer dwar kultura, sport, ċelebritajiet u l-Knisja.

Kien hemm żieda ta’ 15% fl-udjenza, kif ukoll żieda ta’ 41% fin-numru ta’ sessjonijiet online tul l-istess perjodu bejn Mejju u Ġunju tas-sena li għaddiet.

Minn mindu bdiet ir-riforma fil-midja tal-Knisja f’Jannar tal-2017, Newsbook beda jżid l-udjenzi tiegħu.

Titjib fil-kwalità

Tul l-ewwel xhur tas-sena 2019, Newsbook.com.mt kellu ħafna rapporti esklussivi. Fosthom kien hemm dawk dwar is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista, dwar kritika tal-Kunsill Ewropew għall-Gvern, u fit-taqsima tal-lifestyle kien hemm ukoll diversi intervisti ma’ artisti u nies minn kull qasam tal-ħajja.

Newsbook.com.mt kien żvela li l-Awtorità tal-Ippjanar kriet ajruplan privat biex inġabet Malta membru tal-Bord li vvutat favur il-proġett tal-Grupp db, minkejja li dakinhar kien hemm titjira regolari tal-Air Malta.

L-Awtorità tal-Ippjanar għażlet li tħallas €8,750 flok €210

Apparti minn hekk, żvela wkoll rimi ta’ skart illegali f’Ta’ Qali, kif ukoll l-istorja ta’ pazjent li miet meta l-ħelikopter tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex ma kienx disponibbli.

Filmat: Ferneżija ta’ rimi illegali f’Ta’ Qali

ESKLUSSIVA: Provi li l-ħelikopter ma kienx hemm għall-pazjent

Minn Ġunju tal-2018, Newsbook.com.mt beda jippubblika bl-Ingliż, apparti milli baqa’ jippubblika bil-Malti wkoll.

Grazzi lill-qarrejja

L-Editriċi Ġenerali, Sylvana Debono, irringrazzjat lill-qarrejja ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet tal-fiduċja tagħhom fil-ġurnalisti. Żiedet tgħid li fil-ħidma tagħna, inżomm kriterju bażiku bħala prijorità: li l-artiklu jkun ġust, riċerkat sewwa u miktub tajjeb, u li jkun ibbażat fuq sorsi affidabbli. Temmet tgħid li beħsiebna nkomplu naħdmu biex intejbu l-prodott tagħna u biex nevitaw żbalji kemm jista’ jkun.