Esklussiva: Niżvelaw il-kumpaniji Maltin li l-Vatikan se jtella’ l-Qorti

Il-Bank tal-Vatikan magħruf bħala Istituto per le Opere di Religione (IOR) fetaħ kawża kontra żewġ kumpaniji Maltin, żewġ kumpaniji rreġistrati l-Lussemburgu u żewġ persuni barranin.
Skont informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, id-diretturi tal-kumpanija Futura Funds SICAV plc (reġistara Malta) huma l-Maltin Frank Chetcuti Dimech u Joseph Xuereb u t-Taljan Alberto Matta.
Il-kumpanija l-oħra rreġistrata Malta, hija Futura Investment Managment Limited.
Skont dak ippubblikat mis-Sala Stampa tal-Vatikan, il-Bank fetaħ din il-kawża wara li sofra “ħsara sinifikanti” ikkawżata minn terzi persuni b’rabta ma’ tranżazzjonijiet ta’ investiment li kien għamel.
Il-midja Taljana qalet li l-Vatikan qed ifittixhom għal €17-il miljun.
Fl-istqarrija, il-Vatikan qal li dan jikkonferma l-impenn tal-Bank tal-Vatikan li fl-interess tat-trasparenza jirrapporta kull każ ta’ abbuż u jieħu kull azzjoni biex jipproteġi l-interessi finanzjarji u r-reputazzjoni tiegħu, anke jekk barra mill-Istat tal-Vatikan.
Fl-2013, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), kienet ħadet passi konta Frank Chetcuti Dimech ta’ SICAV u diretturi oħra, wara li l-kumpanija falliet milli tissottometti fil-ħin l-awditjar tal-istima finanzjarja tagħha għas-sena 2011.