Newsbook b’2,000 rapport dwar il-Knisja tul l-2018

Newsbook.com.mt tul l-2018 ippubblika 1,981 storja dwar il-Knisja f’Malta u fid-dinja.

“Bla dubju ta’ xejn” qalet Sylvana Debono, Editor in Chief ma’ Beacon Media Group li jmexxi l-midja tal-Knisja, jiġifieri Newsbook u RTK, “il-websajt tagħna hija l-aktar websajt f’Malta li tagħti prominenza kbira lil dak li jsir fil-Knisja f’Malta u madwar id-dinja”.

“Bla dubju ta’ xejn l-akbar għadd ta’ stejjer dehru fuq is-sit bil-Malti peress li s-sit bl-Ingliż beda f’nofs is-sena. Iżda meta tqis kollox ma’ kollox, fuq Newsbook ikun hemm medja ta’ sitt stejjer dwar il-Knisja kuljum”.

L-akbar importanza ngħatat lill-Papa Franġisku li ssemma fi ftit aktar minn 1,000 rapport. Il-vjaġġi u d-diskorsi tal-Papa Franġisku kienu l-aktar avvenimenti li ngħataw importanza. Dak li jkun qed jiġri fil-Knisja madwar id-dinja jingħata importanza  kbira tant li jkun hemm mill-anqas żewġ stejjer kuljum dwar il-Knisja internazzjonali.

Aqra: “In-Nanna Rosa” ktieb dwar in-nanna ta’ Papa Franġisku

Meta niġu għar-rappurtaġġ tal-Knisja f’Malta u Għawdex ninnutaw li l-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ssemmew fi kważi 800 rapport. L-aktar li ngħata rappurtaġġ huwa l-Arċisqof Scicluna anke minħabba l-profil internazzjonali li għandu.

L-Isqfijiet ikunu regolarment intervistati fuq il-midja tal-Knisja, u rapporti dwar dawn l-intervisti jiġu mxandra wkoll fuq Newsbook.

Aqra: Filmat: L-ideat tal-Arċisqof inklużi fid-dokument tas-Sinodu

                 Filmat: X’wassal biex inbidel l-Isqof Mario Grech?

                 Filmat: L-Isqof Elett Galea-Curmi jitkellem dwar familtu

Dan il-portal jagħti importanza kbira ħafna lill-ħidma li ssir mill-kummissjonijiet differenti tal-Knisja. L-aktar tliet organizzazzjonijiet tal-Knisja li ngħataw pubbliċità kienu l-Caritas, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent u l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi.

Matul l-2018, Newsbook.com.mt irreġistra żieda ta’ 78% fl-għadd ta’ rapporti moqrija (pageviews) minn dawk li jużaw il-websajt. Dan meta mqabbel mal-għadd tas-sena 2016, jiġifieri qabel ma bdiet ir-riforma fil-midja tal-Knisja.

Aqra: Newsbook jissaħħaħ b’żieda ta’ 78%

L-għadd ta’ drabi li l-qarrejja jidħlu fi Newsbook (sessions) żdied bi 80%. Ilum hemm 29% aktar qarrejja ta’ Newsbook milli kien hemm qabel ir-riforma. Dawn iż-żidiet huma dokumentati fil-Google Analytics.

Newsbook.com.mt tant kiber li issa stabbilixxa ruħu bħala t-tielet l-akbar websajt tal-aħbarijiet f’Malta. Dan huwa kkonfermat mis-sit awtorevoli alexa.com. Dan ifisser li Newsbook jarawh aktar milli jaraw websajts tal-gazzetti kollha bl-Ingliż, minbarra t-timesofmalta.com.