New Zealand tipposponi l-elezzjoni hekk kif terġa’ tidħol f’lockdown ġdid

REUTERS/Martin Hunter

Il-Prim Ministru ta’ New Zealand Jacinda Ardern nhar l-Erbgħa ħabbret li kienet se ddewwem pass importanti lejn l-elezzjoni ġenerali tax-xahar id-dieħel hekk kif il-pajjiż reġa’ daħal f’lockdown ġdid wara s-sejba ta’ l-ewwel każi ġodda ta’ COVID-19 wara iżjed minn tlett xhur.­­­­­­

Ardern qalet li kienet se tissospendi d-dissolviment tal-parlament, li kellu jwassal għall-elezzjoni ġenerali nhar id-19 ta’ Settembru, sa nhar it-Tnejn. L-ebda deċiżjoni għadha ma ttieħdet dwar jekk l-elezzjoni kienitx se tkun posposta, qalet il-PM.

“Għadu kmieni wisq biex nieħdu ċerti deċiżjonijiet iżda hemm ċerta flessibilità li se nkunu nistgħu inressqu d-data ta’ l-elezzjoni jekk verament ikun hemm il-bżonn,” qalet Ardern waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet imxandra fuq it-televiżjoni, filwaqt li saħqet li l-elezzjoni tista’ ssir f’kwalunkwe data qabel il-21 ta’ Novembru.

L-uffiċjali tas-saħħa fi New Zealand jinsabu qed ifittxu b’mod urġenti sabiex jaraw isibux is-sors ta’ dawn l-erba’ każi ġodda ta’ COVID-19, kollha f’familja waħda f’Auckland, l-akbar belt fil-pajjiż.

Dan il-cluster, li jiġbor l-ewwel każi ġodda rappurtati fil-pajjiż wara 102 ġurnata, wassal lil Ardern biex tħabbar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-miżuri ta’ lockdown tard it-Tlieta filgħaxija.

Auckland marret għall-livell 3 ta’ restrizzjonijiet f’nofsinhar ta’ nhar l-Erbgħa, fejn in-nies qed tintalab li tibqa’ d-dar u toħroġ biss għal dak li huwa essenzjali. Il-kumplament tal-pajjiż tpoġġa taħt restrizzjonijiet ftit inqas ristretti ta’ Livell 2. Għalissa, dawn ir-restrizzjonijiet se jibqgħu fis-seħħ sal-Ġimgħa.

“Kunu ġentili u ħudu ħsieb xulxin,” qalet Ardern, filwaqt li żiedet tgħid li t-tfittxija għas-sors ta’ l-infezzjoni għadha għaddejja. Il-familja ma kienitx barra mill-pajjiż.

“Nafu li għalkemm primarjament qed infittxu li nsibu trażmissjoni minn persuna għall-oħra, hemm bżonn li niċċekkjaw ukoll jekk dan għandux x’jaqsam mal-ġarr ta’ merkanzija,” kompliet tgħid.

Id-Direttur Ġenerali għas-Saħħa Ashley Bloomfield qal li l-familja infettata tinsab f’iżolament strett fid-dar tagħha stess, iżda mara minnhom kienet żaret xi postijiet turistiċi f’Rotorua waqt li kienet sintomatika.

Uffiċjali tas-saħħa qed jeżaminaw l-attività kollha tagħha u jinsabu lesti sabiex jittestjaw eluf ta’ nies fil-ġranet li ġejjin, qal Bloomfield.

Ardern żiedet tgħid li minn nofsinhar, il-faċilitajiet għall-kura ta’ l-anzjani se jagħlqu l-bibien għal kulħadd minbarra għal ħaddiema u deliveries essenzjali.