New Zealand tiddikjara emerġenza fil-klima

New Zealand qed twiegħed li sa l-2025, is-settur pubbliku se jkun sar carbon neutral hekk kif nhar l-Erbgħa, il-pajjiż iddikkjara emerġenza fil-klima, inizjattiva simbolika li l-kritiċi qalu li kellha bżonn tkun sostnuta b’iżjed azzjoni sabiex jitnaqqsu l-emmissjonijiet.

Il-Prim Ministru Jacinda Ardern qalet li d-dikjarazzjoni ta’ emerġenza fil-klima kienet ibbażata fuq dak li nstab minn panel intergovernattiv dwar il-bidla fil-klima li sabiex tkun evitata żieda ta’ 1.5 grad celsius fis-sħana globali, sal-2023, l-emissjonijiet iridu jkunu tnaqqsu bin-nofs, b’madwar 45% mill-livelli li kienu fl-2010 u jilħqu livell żero sa l-2050.

“Din id-dikjarazzjoni hija rikonoxximent tal-ġenerazzjoni li jmiss. Rikonoxximent tal-piż li se jġorru huma jekk ma nwettqux sew dak li suppost għandna nwettqu u jekk ma nieħdux azzjoni issa,” qalet Ardern lill-leġiżlaturi fil-parlament.

Wara dibattitu ta’ iżjed minn siegħa, maġġoranza fil-parlament ivvutat favur id-dikjarazzjoni. Il-partit ewlieni fl-oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonali ivvota kontra fejn sejjaħ dan l-eżerċizzju bħala “wieħed li jrid biss jagħti impressjoni tajba.”

New Zealand tingħaqad ma’ 32 pajjiż ieħor fosthom il-Ġappun, il-Kanada, Franza u l-Gran Brittanja li ddikjaraw emerġenza klimatika.

Ardern, li rritornat lura għall-poter f’Ottubru wara li tat l-akbar rebħa elettorali għall-Partit Laburista taċ-ċentru-xellug tagħha fl-aħħar ħamsin sena, sejħet il-bidla fil-klima bħala “l-mument ħieles min-nukleari tal-ġenerazzjoni tagħna”.

Fl-ewwel terminu tagħha, hija għaddiet il-liġi Zero Carbon Bill, li tfassal il-qafas sabiex sal-2050 jintemmu l-emissjonijiet kollha b’eżenzjoni fuq il-biedja filwaqt li waqqfet l-esplorazzjoni offshore għaż-żejt u l-gass.

Kważi nofs l-emissjonijiet ta’ New Zealand jiġu mill-agrikoltura, primarjament il-metanu.

Il-gvern nhar l-Erbgħa wiegħed li s-settur pubbliku se jikseb in-newtralità mill-karbonju sal-2025. L-aġenziji tal-gvern se jkollhom ikejlu u jirrappurtaw l-emissjonijiet u jikkumpensaw għal dak li ma jistgħux inaqqsu sal-2025.

Il-programm se jkun sostnut minn fond ta’ NZ$ 200 miljun ($141 miljun) biex jiffinanzja s-sostituzzjoni tal-bojlers tal-faħam u jgħin biex jinxtraw vetturi elettriċi jew ibridi, qalet Arden.

Greenpeace laqgħet id-dikjarazzjoni, iżda sfidat lill-gvern biex isegwi din il-politika b’azzjoni konkreta.

“Biex id-dikjarazzjoni ta’ emerġenza fil-klima ta’ Jacinda Ardern tkun iktar minn sempliċement kliem, dan ifisser li rridu nindirizzaw l-akbar sors ta’ tniġġis tal-klima ta’ New Zealand: l-agrikoltura,” qalet Kate Simcock attivista ta’ Greenpeace fil-qasam ta’ l-agrikoltura u l-klima.