New Zealand kapaċi tkun lura għan-normal sal-ġimgħa d-dieħla

REUTERS/Martin Hunter

Read in English.

Il-Prim Ministru ta’ New Zealand Jacinda Ardern nhar l-Erbgħa qalet li kapaċi tissospendi l-miżuri kollha ta’ social distancing biex il-pajjiż jerġa’ lura għall-ħajja normali, b’eċċezzjoni tal-fruntiera internazzjonali, kmieni l-ġimgħa d-dieħla.

It-Tnejn li ġej, Ardern mistennija tieħu d-deċiżjoni jekk il-pajjiż għandux imur għal-1 livell ta’ allert, iżjed minn xaharejn wara li kien impost lockdown ta’ livell 4, li wassal biex ingħalqu kważi n-negozji kollha u ġiegħlu lil kulħadd jibqa’ d-dar, konsegwenza tal-pandemija tal-coronavirus.

Arden qalet li l-istennija sat-Tnejn għandu jgħinha tiġġudika jekk it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq l-għadd ta’ nies li jistgħu jiffrekwentaw stabbilimenti, bars u laqgħat soċjali fi gruppi iwassalx għal żieda fil-każijiet. 

“Jekk ma jkunx hemm konsegwenzi, għandna nkunu f’pożizzjoni tajba li mmexxu ‘l quddiem,” qalet Ardern waqt konferenza ta’ l-aħbarijijet fuq it-televiżjoni.

F’livell ta’ allert 1, ma jkun hemm l-ebda ħtieġa ta’ distnazjar fiżiku jew limitu fuq l-għadd ta’ nies li jistgħu ikunu f’barsclubs, knejjes u kumplessi sportivi, kompliet tgħid.

Għaldaqstant, differenza waħda se jkun hemm minn normalità ta’ qabel il-pandemija, għaliex għad m’hemm l-ebda pjan immedjat li jinfetħu l-fruntieri ta’ New Zealand.

L-Erbgħa, New Zealand għadha kemm irreġistrat it-12-il jum konsekuttiv mingħajr każ ġdid ta’ coronavirus u kull ma hemm huwa każ wieħed attiv. 

Id-deċiżjoni ta’ Ardern li b’mod mgħaġġel u immedjat timponi wieħed mill-eħrex lockdowns fid-dinja huwa meqjus bħala r-raġuni li wassal biex New Zealand ikkontrollat sew il-firxa tal-COVID-19 fil-pajjiż fejn kienu rappurtati biss 1,504 każi u 22 mewta. 

Ardern qalet li b’allert ta’ livell 1, l-impenn se jkun iffukat fuq miżuri ta’ saħħa pubblika u iġjene personali bażika fosthom il-ħasil ta’ l-idejn spissi, iżolament minn min iħoss sintomi simili għall-influwenza u contact tracing.

Il-gvern se jaħdem mill-qrib ma’ organiżżaturi ta’ avvenimenti kbar sabiex tkun żviluppata ‘COVID code’ volontarja, li għandha tgħin lill-awtoritajiet f’każ li jkun hemm bżonn li jitwettaq eżerċizzju ta’ contact tracing żiedet tgħid Ardern.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn