New Zealand jikkunsidra joħloq viża għar-refuġjati minn diżastri naturali

Il-Gvern ta’ New Zealand jinsab fil-proċess li joħloq visa għar-refuġjati li jkunu qed ifittxu l-kennminħabba diżastri riżultat tal-bdil fil-klima.
In-nies affettwati minn dan speċifikament huma dawk li joqogħdu mal-Paċifiku, ngħidu aħna n-nies ta’ Kirabati, stat indipendenti fiċ-ċentru tal-Paċifiku li n-nies tiegħu jinsabu taħt pressjoni kontinwa biex jiċċaqalqu minħabba li l-ilma jitla’ u jinżel f’daqqa.
Jekk dil-viża ssir, tkun twettqet waħda mill-proposti tal-Partit tal-Ħodor fi New Zealand, li għall-elezzjoni kien wiegħed li joħroġ 100 viża bħal din.
Qabel l-elezzjoni wkoll, il-Ħodor kienu pproponew lil-kwota tar-refuġjati fi New Zealand tiżdied minn 750 fis-sena għal 4,000.
Fil-fatt, illum il-Ħodor jinsabu fil-gvern f’koalizzjoni mal-Partit Laburista.
James Shaw mill-Ħodor, u li issa jinsab Ministru għat-Tibdil fil-Klima, qal lill-midja internazzjonali li dil-viża, li sejħilha “viża umanitarja”, tkun tista’ ssir b’ħidma mal-gżejjer l-oħra fil-Paċifiku.
U dan kollu skatta wara li 2 familji minn Tuvalu applikaw għall-istat ta’ refuħjati fi New Zealand minħabba diżastri kawża tal-bdil fil-klima, iżda t-Tribunal tal-Immigrazzjoni ddeċieda li la dawn ma ħabrux minħabba persekuzzjoni, razza, reliġjon, nazzjonalità jew politika, mela ma kienx ħaqqhom l-istatus.