New York tiffriża f’kull sens

Wasal il-maltemp qawwi mistenni fi New York bil-ħafna borra li niżlet fi ftit sigħat iffriżat mhux biss it-temperatura imma l-moviment fil-"belt li ma torqod qatt".
L-awtoritajiet ipprojbixxu kull forma ta’ trasport mit-toroq tal-belt mill-11 ta’ bil-lejl tal-bieraħ, tant li jekk il-Pulizija ssib persuni għajr is-servizzi ta’ emerġenza fit-toroq, jistgħu jiġu arrestati.
Skont il-previżjonijiet tat-temp, f’New York u fi nħawi fil-qrib, il-kwantità ta’ borra tista’ tilħaq 76 ċentimetru.
Hu stmat li l-għeluq tas-subways u l-waqfien komplet tal-belt se jolqtu lil madwar 60 miljun ruħ.
L-iskejjel se jibqgħu magħluqa mill-inqas sa għada waqt li tħassru 6,500 titjira minn u lejn ajruporti fil-kosta tal-Lvant.