New York fi stat t’allert wara l-ħarba ta’ 2 priġunieri ‘perikolużi’

New York jinsab fi stat ta’ allert wara l-ħarba ta’ żewġ ħabsin minn dak li suppost kien ħabs ta’ sigurtà massima.
Richard Matt, ta’ 48 sena, u David Sweat, ta’ 34 sena, użaw għodda elettriċi biex qattgħu minn ġol-ħitan taċ-ċella tagħhom u minn ġo pajpijiet kbar minn fejn imbagħad irnexxielhom jaħarbu għal ġo katusa biex ħarġu minn tappiera.
Iż-żewġ ħabsin, maqfula l-ħabs għal diversi snin minħabba żewġ inċidenti separati ta’ qtil, daħqu bil-gwardjani tal-ħabs billi poġġew ħwejjeġ taħt il-friex, taparsi huma reqdin.
Il-fatt li ħarbu sar magħruf biss filgħodu għalkemm l-awtoritajiet tal-ħabs ma jistgħux jifhmu kif ħadd ma semagħhom jew ma jaf b’xejn, jew kif irnexxielhom jakkwistaw l-għodda li kellhom bżonn.
Hemm mal-200 Pulizija jfittxu liż-żewġ priġunieri maħruba, fosthom bi klieb u b’sorveljanza mill-ajru hekk kif hemm biża’ li dawn setgħu ħarbu għall-Kanada.
Il-Gvernatur ta’ New York, Andrew Cuomo, iddeskrivihom bħala priġunieri perikolużi li jistgħu jerġgħu jwettqu reati gravi.