“New Year”: iż-żiemel li sab xortih wara ħafna tbatija

Żiemel ferut u li spiċċa abbandunat f’għalqa f’Marsaxlokk sab xortih fl-aħħar jum tas-sena l-oħra. Din hija l-istorja li għaddha minnha żiemel li ngħata l-isem ta’ “New Year” wara li nġabar u ngħata kenn u kura għall-ġrieħi li kellu.
Ma’ Newsbook.com.mt tkellem Sean Galea li huwa l-President tal-Funny Farm Horse Rescue Association li tagħti l-għajnuna liż-żwiemel abbandunati. Jirrakkonta kif irċieva telefonata minn xi ħadd li sab lil dan iż-żiemel mitluq.
Jgħid li meta wasal fuq il-post biex jara l-kundizzjoni taż-żiemel, mal-ewwel iddeċieda li jiġbru biex jagħtih il-kura. Iż-żiemel kien ilu ma jiekol u mingħajr kenn fuq rasu.
Il-ferita ta’ fuq dahru, ikompli jgħid Sean Galea, hija waħda gravi u se tieħu ftit żmien mhux ħażin sakemm titfejjaq.
Jgħid li issa “New Year” jinsab fir-razzett ta’ Funny Farm fejn għandu saqaf fuq rasu, qed jingħata l-kura u l-ikel li għandu bżonn flimkien ma’ post fejn jorqod.
Temm jgħid li l-ġerħa taż-żiemel trid titnaddaf regolarment u qed jieħu wkoll tilqima kuljum sabiex ifiq.
Ritratt: Malta Horse Sanctuary – Facebook