Emojis ġodda għaż-żjara tal-Papa Franġisku fl-Irlanda

Dawk li jużaw it-Twitter se jkollhom aċċess għal emoji speċjali li jfakkar iż-żjara tal-Papa Franġisku fl-Irlanda, aktar tard dan ix-xahar.

L-emoji li jista’ jkun aċċessat billi wieħed juża l-hashtags #popeinireland, #pápainÉirinn u #festivaloffamilies fuq Twitter, u tidher figura tal-Papa quddiem il-bandiera Irlandiża jew il-Papa quddiem is-Santwarju ta’ Knock.

Emojis simili kienu nħolqu meta l-Papa Franġisku żar l-Istati Uniti fl-2015. Twitter nieda wkoll immaġini simili għal avvenimenti importanti oħra bħalma huma t-Tazza tad-Dinja, il-Eurovision Song Contest u l-Olimpjadi.

Twitter se joħloq ukoll lista ta’ rakkommandazzjonijiet biex wieħed isegwi waqt il-Laqgħa Mondjali tal-Familji u ż-żjara tal-Papa fl-Irlanda.

Uffiċċjali tal-Kungress Dinji tal-Familji  qalu li kienu kuntenti ħafna li Twitter ħolqu din l-emoji u li kienet eċitanti ħafna.

Din hi era teknoloġika ġdida li qed tintuża għal żjajjar bħal dawn. Meta l-Papa Ġwanni Pawlu kien żar l-Irlanda din it-teknoloġija kienet għadha ma teżistix.

Benedittu XVI kien l-ewwel Papa li kellu preżenza fuq Twitter. Hu kien daħal fil-pjattaforma tal-midja soċjali f’Diċembru 2012, madwar tliet xhur qabel ma rriżenja minn Papa. Il-kont tiegħu @pontifex għadda għand il-Papa Franġisku malli dan kien elett. Minn dak iż-żmien ‘l hawn il-Papa Franġisku hu attiv fuq Twitter u juża l-pjattaforma tal-midja soċjali biex jikkummenta fuq dak li qed iseħħ fid-dinja u joffri talb u gwida lill-Knisja.